12.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 92/14
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (Spanja) fit-28 ta' Jannar 2008 — Fundación Española para la Innovación de la Artesanía (FEIA) vs Cul de Sac Espacio Creativo S.L. u Acierta Product & Position S.A.
(Kawża C-32/08)
(2008/C 92/25)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (Spanja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fundación Española para la Innovación de la Artesanía (FEIA)
Konvenuti: Cul de Sac Espacio Creativo S.L. u Acierta Product & Position S.A.
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 14(3) [tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta' Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (1)] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għad-disinji Komunitarji maħluqa fil-kuntest ta' relazzjoni ta' impjieg li fiha d-disinjatur ikun marbut b'kuntratt suġġett għal-liġi dwar ix-xogħol u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu tali li d-disinjatur ikun jaħdem taħt id-direzzjoni ta' u jkun impjegat minn ħaddieħor?
2)
L-espressjonijiet “impjegat” u “min iħaddmu” użati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhom jiġu interpretati b'mod wiesa' sabiex jiġu inklużi sitwazzjonijiet oħra apparti relazzjonijiet ta' impjieg, bħal relazzjonijiet li fihom, abbażi ta' kuntratt ċivili/kummerċjali (u, konsegwentement, wieħed li ma jipprovdix li individwu jaħdem taħt id-direzzjoni ta' u jkun impjegat minn ħaddieħor), individwu (id-disinjatur) jiftiehem ma' ħaddieħor li joħloqlu disinn, għal prezz miftiehem, u konsegwentement, ikun mifhum li d-disinn jappartjeni lill-persuna li tkun ordnatu, ħlief jekk il-kuntratt jipprovdi mod ieħor?
3)
Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, għar-raġuni li l-ħolqien ta' disinji f'relazzjoni ta' impjieg u l-ħolqien ta' disinji f'relazzjoni li mhijiex waħda ta' impjieg, jikkostitwixxu sitwazzjonijiet ta' fatt differenti,
a)
għandha tiġi applikata r-regola ġenerali ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 6/2002 u konsegwentement, id-disinji għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jappartjenu lid-disinjatur, ħlief jekk il-partijiet jiftehmu mod ieħor fil-kuntratt? jew
b)
il-qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika l-liġi nazzjonali li tirregola d-disinji, skond l-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002?
4)
Fil-każ li għandha tiġi applikata l-liġi nazzjonali, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tkun possibbli jekk din tqis id-disinji maħluqa fil-kuntest ta' relazzjoni ta' impjieg (id-disinji jappartjenu lil min iħaddem, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor) u dawk maħluqa fuq ordni (id-disinji jappartjenu lil min jordnahom, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor), bl-istess mod (kif tagħmel il-liġi Spanjola)?
5)
Fil-każ li r-risposta għar-raba' domanda tkun fl-affermattiv, soluzzjoni bħal din (id-disinji jappartjenu lil min jordnahom, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor), tkun f'kontradizzjoni mar-risposta negattiva għat-tieni domanda?
(1) ĠU 2002 L 3, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy