12.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 92/15
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Finanzgericht Baden-Württemberg fil-31 ta' Jannar 2008 — Grundstücksgemeinschaft Busley/Cibrian vs Finanzamt Stuttgart-Körperschaften
(Kawża C-35/08)
(2008/C 92/28)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Baden-Württemberg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Grundstücksgemeinschaft Busley/Cibrian
Konvenut: Finanzamt Stuttgart-Körperschaften
Domandi preliminari
1.
(a)
L-Artikolu 56 KE jipprekludi li persuna fiżika li hija suġġetta b'mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja ma tistax tnaqqas, mill-bażi ta' kalkolu tat-taxxa tagħha fuq id-dħul fil-Ġermanja għas-sena li matulha sar it-telf, telf li jirriżulta mill-kiri u mil-leasing ta' immobbli li jinsab fi Stat Membru ieħor ta' l-UE kuntrarjarment għal dak li jkun il-każ fir-rigward tat-telf li jirriżulta minn immobbli li jinsab fit-territorju nazzjonali?
(b)
Huwa rilevanti jekk il-persuna fiżika għamlitx l-investiment immobiljari hija stess jew id-dritt Komunitarju huwa xorta waħda miksur fil-każ li l-persuna fiżika saret il-proprjetarja ta' l-immobbli li jinsab fi Stat Membru ieħor permezz ta' wirt?
2.
L-Artikolu 56 KE jipprekludi li persuna fiżika li hija suġġetta b'mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja tista', fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-qligħ mill-kiri u mil-leasing li jirriżulta minn immobbli li jinsab fi Stat Membru ieħor ta' l-UE, tapplika biss l-ammortament normali filwaqt li, għal immobbli li jinsabu fit-territorju nazzjonali, hija tkun tista' tapplika ammortament digressiv iktar ogħli?
3.
Jekk l-ewwel u t-tieni domandi għandhom jingħataw risposta negattiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati huma kuntrarji għall-moviment liberu stabbilit fl-Artikolu 18 KE?
Full & Egal Universal Law Academy