26.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 107/13
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (Il-Finlandja) fit-8 ta' Frar 2008 — Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK ry et vs Fujitsu Siemens Computers Oy
(Kawża C-44/08)
(2008/C 107/20)
Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK ry, Erityisalojen Toimihenkilöliitto ERTO ry, Uusi Insinööriliitto UIL ry (li qabel kienet Insinööriliitto IL ry), Metallityöväen Liitto ry, Palvelualojen Ammattiliitto PAM ry, Suomen Ekonomiliitto — Finlands Ekonomförbund SEFE ry, Ammattiliitto SUORA ry, Suomen Valtiotieteilijöitten Liitto SVAL ry — Statsvetarnas Förbund i Finland rf, Sähköalojen Ammattiliitto ry, Tekniikan Akateemisten Liitto TEK ry, Toimihenkilöunioni TU ry
Konvenuta: Fujitsu Siemens Computers Oy
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tiegħu li jinbdew konsultazzjonijiet “fi żmien tajjeb” meta wieħed “jikkontempla” tkeċċija kollettiva tal-ħaddiema jeħtieġ li l-konsultazzjonijiet jibdew meta jkun ġie kkonstatat li d-deċiżjonijiet strateġiċi jew il-modifikazzjonijiet adottati fir-rigward ta' l-attività kummerċjali jrendu neċessarju tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema? jew aħjar li din l-imsemmija dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li jinbdew il-konsultazzjonijiet joriġina diġà minħabba li min iħaddem jikkontempla li jadotta miżuri jew modifiki li jirrigwardaw l-attività kummerċjali bħal modifika tal-kapaċità ta' produzzjoni jew konċentrazzjoni tal-produzzjoni, li l-konsegwenza prevedibbli tagħhom hija n-neċċessità ta' tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema?
2)
Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(3) tad-direttiva jirreferi għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet, l-Artikolu 2(1) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tiegħu li jibdew konsultazzjonijiet “fi żmien tajjeb” meta wieħed “jikkontempla redundancies [tkeċċijiet] kollettivi” jeħtieġ li l-konsultazzjonijiet jibdew diġà qabel ma l-evalwazzjoni magħmula minn min iħaddem tkun waslet fi stadju li jippermetti lil min iħaddem jidentifika u jagħti lill-ħaddiema l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3)(b)?
3)
L-Artikolu 2(1) tad-direttiva għandu jiġi interpretat, flimkien ma' l-Artikolu 2(4) tagħha, fis-sens li, f'kaz li min iħaddem huwa kkontrollat minn kumpannija oħra, l-obbligu ta' min iħaddem li jibda l-konsultazzjonijiet mar-rappreżentant tal-ħaddiema joriġina meta jew min iħaddem jew il-kumpannija parent li tikkontrolla lil dan ta' l-aħħar tikkontempla li taġixxi bil-għan li tipproċedi għat-tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema fis-servizz ta'min iħaddem?
4)
Fil-każ ta' konsultazzjonijiet li għandhom jitwettqu fi ħdan kumpannija sussidjarja li tagħmel parti minn grupp, u fl-evalwazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(4) tad-direttiva ta' l-obbligu ta' l-Artikolu 2(1) li jinbdew konsultazzjonijiet “fi żmien tajjeb” meta wieħed “jikkontempla” tkeċċijiet kollettivi, l-obbligu li jinbdew konsultazzjonijiet joriġina diġà meta d-direttorat tal-grupp jew tal-kumpannija parent jikkontempla tkeċċijiet kollettivi iżda din l-evalwazjoni tkun għadha ma ġietx ippreċiżata sal-punt li tikkonċerna l-ħaddiem fis-servizz ta' ċerta kumpannija sussidjara taħt il-kontroll tagħha jew l-obbligu li jinbdew konsultazzjonijeit fi ħdan il-kumpannija sussidjarja joriġina biss fil-mument li fih id-direttorat tal-grupp jew tal-kumpannija parent jikkontempla tkeċċijiet kollettivi espressament fil-kumpannija sussidjarja kkonċernata?
5)
Meta min iħaddem huwa impriża (kumpannija sussidjarja li tagħmel parti minn grupp) li hija kkontrollata fis-sens ta' l-Artikolu 2(4) tad-direttiva minn impriża oħra (kumpannija parent jew id-direttorat ta' grupp), l-Artikolu 2 tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura ta' konsultazzjoni li hija msemmija fih għandha tiġi konkluża qabel ma tittieħed deċiżjoni fil-livell tal-kumpannija parent jew tad-direttorat tal-grupp f'dak li jirrigwarda t-tkeċċijiet kollettivi li għandhom jiġu implementati fi ħdan il-kumpannija sussidjarja?
6)
Jekk id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li l-proċedura ta' konsultazzjoni li għandha tiġi mwettqa fi ħdan il-kumpannija sussidjarja għandha tkun konkluża qabel ma tittieħed deċiżjoni li tagħti lok għal tkeċċijiet kollettivi tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpannija parent jew tad-direttorat tal-grupp, deċiżjoni li għandha bħala effett dirett li timplementa tkeċċijiet kollettivi fi ħdan il-kumpannija sussidjarja hija l-unika deċiżjoni determinanti f'dan il-kuntest jew jeħtieġ li l-proċedura ta' konsultazzjoni tkun konkluża diġà qabel ma tittieħed, fil-livell tal-kumpannija parent jew tad-direttorat tal-grupp, deċiżjoni kummerċjali jew strateġika li abbażi tagħha t-tkeċċijiet kollettivi fi ħdan il-kumpannija sussidjarja huma probabbli iżda għadhom mhumiex ċerti u definittivi?
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.
Full & Egal Universal Law Academy