9.5.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 116/12
Appell ippreżentat fis-27 ta' Frar 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla Estiża) mogħtija fit-12 ta' Diċembru 2007 fil-Kawżi Magħquda T-50/06, T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06, Irlanda et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-89/08 P)
(2008/C 116/22)
Lingwi tal-kawża: Il-Franċiż, L-Ingliż u T-Taljan
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Di Bucci u N. Khan, aġenti)
Partijiet oħra fil-kawża: L-Irlanda, Ir-Repubblika Franċiża, Ir-Repubblika Taljana, Eurallumina SpA, Aughinish Alumina Ltd
Talbiet ta' l-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tieni Awla Estiża), tat-12 ta' Diċembru 2007, innotifikata lill-Kummissjoni fis-17 ta' Diċembru 2007, fil-Kawżi Magħquda T-50/06, T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni;
—
tibgħat il-kawżi lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għall-eżami ġdid;
—
tirriżerva l-ispejjeż fiż-żewġt istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqajjem tliet aggravji in sostenn ta' l-appell tagħha, ibbażati, min naħa, fuq in-nuqqas ta' ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza u fuq irregolaritajiet proċedurali li kienu ta' ħsara għall-interessi tal-Kummissjoni (l-ewwel żewġt aggravji) u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat (it-tielet aggravju sas-sitt aggravju).
Permezz ta' l-ewwel aggravju tagħha, li huwa maqsum f'żewġ partijiet, l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju dispożittiv u li ddeċidiet ultra petita safejn, fl-ewwel istanza, l-ebda wieħed mir-rikorrenti ma kien invoka motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88 KE (1). Barra minn hekk, il-motiv imqajjem ex officio mill-Qorti tal-Prim'Istanza mhuwiex motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni, li l-qorti tista' tqajjem ex officio, imma motiv fuq il-mertu, li mhuwiex ibbażat fuq elementi ta' fatt deskritti fil-faxxiklu.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur, min-naħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-prinċipji ġenerali ta' audi alteram partem u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, peress li qajmet ex officio motiv li ma kienx ittrattat, u lanqas biss ikkunsidrat matul il-proċedura fl-ewwel istanza.
Permezz tat-tielet aggravju, li huwa ppreżentat fi tliet partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikoli 230 u 253 KE, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 88 KE u r-regoli dwar l-iżvolġiment tal-proċedura fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat.
F'dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-kwalifika tal-miżuri in kwistjoni bħala għajnuna “ġdida” ma tistax tiġi kkonfutata f'rikors intiż kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni peress li l-Istati Membri u l-persuni kkonċernati l-oħra setgħu jikkontestaw, fuq dan il-punt, id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami. Peress li din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata, hija saret definittiva u għaldaqstant id-deċiżjoni finali tikkostitwixxi, fuq dan il-punt, att sempliċement konfermattiv, li ma jistax ikun suġġett ta' rikors.
It-tieni nett, l-appellanti tallega li l-legalità ta' att għandha tiġi evalwata permezz ta' elementi ta' fatt u ta' dritt li jeżistu fid-data ta' meta dan l-att ġie adottat. Fil-każ preżenti, mhemm ebda element fil-faxxiklu li jissuġġerixxi li l-miżuri nazzjonali in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fil-mument meta huma ġew stabbiliti.
It-tielet nett, l-appellanti tallega li fi kwalunkwe każ, huma l-Istat Membru, jew skond il-każ, it-terzi persuni kkonċernati, u mhux il-Kummissjoni li għandhom jġibu l-prova li għajnuna kienet diġà teżisti. Fin-nuqqas ta' tali prova, il-Kummissjoni mhijiex marbuta tipprovdi motivazzjoni f'dan ir-rigward.
Permezz tar-raba' aggravju tagħha, l-appellanti tallega ksur ta' l-Artikolu 253 KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 87(1) KE u ma' l-Artikolu 88(1) KE, safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat nuqqas ta' motivazzjoni dwar l-applikabbilità ta' l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, minkejja li dan l-Artikolu jista' japplika biss għall-miżuri li ma jikkostitwixxux għajnuna meta jiġu implementati u li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza, uriet li l-miżuri in kwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna sa mill-introduzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-partijiet ma kienet invokat evoluzzjoni tas-suq komuni li setgħet tiġġustifika li miżuri li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna meta ġew implementati bdew, sussegwentement, jikkostitwixxu għajnuna.
Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti tinvoka ksur ta' l-istess regoli, kif ukoll ta' l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza imponiet fuq il-Kummissjoni obbligu ta' motivazzjoni speċifika fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu minħabba dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Madankollu, l-appellanti wriet b'mod inekwivoku li skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dikjarazzjonijiet bħal dawn ma jista' jkollhom l-ebda effett fuq l-eżami ta' miżuri nazzjonali fir-rigward ta' regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, il-kunċetti ta' għajnuna u għajnuna eżistenti huma kunċetti strettament oġġettivi.
Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti fl-aħħar nett issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 88(1) u (2) u l-Artikolu 253 KE, kif ukoll l-Artikolu 4(4) u 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 safejn hija annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-intier tagħha, inkluż dik il-parti tad-deċiżjoni li estendiet il-proċedura formali ta' eżami għall-perijodu ta' wara l-31 ta' Diċembru 2003. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tat l-ebda spjegazzjoni dwar kif l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 kien ta' natura tali li jivvizzja din il-parti tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, din il-qorti applikat b'mod żbaljat il-prinċipju li jgħid li meta Stat Membru ma jipprovdi l-ebda element li jissuġġerixxi li l-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li diġà teżisti, il-Kummissjoni għandha tittratta dawn il-miżuri bħala għajnuna ġdida, fil-kuntest proċedurali pprovdut fl-Artikolu 88(2) u (3) KE.
(1) ĠU L 83, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy