24.5.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 128/22
Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-100/08)
(2008/C 128/40)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: S. Pardo Quintillan u R. Troosters, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet
1.
Tikkonstata li,
—
bl-impożizzjoni fuq l-importazzjoni, iż-żamma u l-bejgħ ta' kampjuni ta' għasafar imwielda u mrobbija fil-magħluq u legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra, taħt kundizzjonijiet restrittivi li jimponu fuq l-operaturi tas-suq ikkonċernati l-modifikazzjoni fl-immarkar tal-kampjuni sabiex dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikament mitluba mil-leġiżlazzjoni Belġjana u bin-nuqqas tiegħu li jaċċetta l-immarkar aċċettat fi Stati Membri oħra u lanqas iċ-ċertifikati maħruġa għal dan il-għan mill-awtoritajiet CITES;
—
billi ċaħħad lill-kummerċjanti mill-possibbiltà li jiksbu derogi mill-projbizzjoni li jżommu fil-pussess tagħhom għasafar indiġeni Ewropej legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra;
ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
2.
Tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-digriet irjali tad-9 ta' Settembru 1981 dwar il-protezzjoni ta' l-għasafar fir-Reġjun Fjamming u d-digriet irjali tas-26 ta' Ottubru 2001 li jipprovdi għal miżuri dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' ċerti speċi ta' għasafar selvaġġi mhux indiġeni, jinkludu regoli li (1) jissuġġettaw l-importazzjoni, iż-żamma u l-bejgħ ta' kampjuni ta' għasafar imwielda u mrobbija fil-magħluq, u legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra, għal kundizzjonijiet restrittivi li jimponu fuq l-operaturi tas-suq ikkonċernati l-modifikazzjoni ta' l-immarkar tal-kampjuni sabiex dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikament mitluba mil-leġiżlazzjoni Belġjana u li (2) iċaħħdu lill-kummerċjanti mill-possibbiltà li jiksbu derogi mill-projbizzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom għasafar indiġeni Ewropej legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra.
Skond il-Kummissjoni dawn ir-restrizzjonijiet huma miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u minħabba f'hekk huma pprojbiti skond l-Artikolu 28 KE. Fil-fatt, minn naħa, il-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Belġjana jwasslu għal obbligu ta' modifikazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kampjuni ta' l-għasafar legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, il-kummerċ huwa bl-istess mod ostakolat mill-projbizzjoni fuq il-kummerċjanti milli jżommu fil-pussess tagħhom ċerti għasafar legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra.
Il-Kummissjoni ma teskludix b'mod assolut li ċerti ostakoli għall-kummerċ jistgħu jkunu ġġustifikati f'dan il-kuntest skond l-Artikolu 30 KE bl-iskop li jiġu protetti speċi rari li jkollhom karatteristiċi speċifiċi. Madankollu l-leġiżlazzjoni Belġjana ma tissodisfax il-kriterji għal din il-kawża ta' ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, jekk ikun il-każ, il-miżuri Belġjani la huma neċessarji u lanqas ma huma proporzjonali għall-finijiet ta' dan l-għan leġittimu.
Full & Egal Universal Law Academy