9.5.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 116/15
Rikors ippreżentat fis-6 ta' Marzu 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-105/08)
(2008/C 116/26)
Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u M. Afonso, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tiddikjara li meta tintaxxa l-ħlas ta' interessi f'pajjiżi barranin, b'mod aktar oneruż mill-ħlas ta' interessi lill-persuni residenti fit-territorju Portugiż, ir-Repubblika Portugiża timponi restrizzjoni fuq l-għoti ta' servizzi ta' kreditu ipotekarju u ta' tipi oħra ta' kreditu minn istituzzjonijiet finanzjarji residenti fi Stati Membri oħra u fi stati li jiffurmaw parti mill-Ftehim ŻEE, u b'hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 KE u 56 KE u taħt l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE;
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Colectivas (CIRC) (Kodiċi tat-tassazzjoni tal-kumpanniji) jipprovdi għal trattament fiskali differenti tad-dħul minn interessi mħallsa lil istituzzjonijiet finanzjarji, skond jekk dawn humiex residenti fit-territorju Portugiż jew le.
It-tassazzjoni applikabbli fil-Portugall għall-interessi mħallsa lill-istituzzjonijiet finanzjarji mhux residenti fil-Portugall tirriżulta f'piż fiskali effettivament aktar oneruż minn dak impost fuq il-persuni taxxabbli li huma residenti fil-Portugall fir-rigward ta' dħul simili. Il-liġi nazzjonali b'hekk tiskoraġġixxi lil istituzzjonijiet finanzjarji li mhumiex residenti fil-Portugall milli joffru s-servizzi tagħhom fis-suq Portugiż, b'mod partikolari, il-kreditu ipotekarju, u jostakola lill-persuni residenti fil-Portugall milli jkollhom aċċess għal servizzi ta' kreditu li jistgħu jkunu offerti lilhom minn istituzzjonijiet bħal dawn. Leġiżlazzjoni ta' dan it-tip b'hekk tammonta għal restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali skond l-Artikoli 49 KE u 56 KE, u skond l-Artikoli korrispondenti tal-Ftehim ŻEE.
Full & Egal Universal Law Academy