7.6.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 142/14
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn Landesgerichts Linz (l-Awstrija) fis-17 ta' Marzu 2008 — Land Oberösterreich vs ČEZ, as
(Kawża C-115/08)
(2008/C 142/22)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landesgerichts Linz
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Land Oberösterreich
Konvenuta: ČEZ, as
Domandi preliminari
1.
(a)
Il-fatt li impriża li topera ċentrali elettrika fi Stat Membru, b'konformità mal-liġijiet ta' dak l-Istat u mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja, li fiha tipproduċi elettriku li mbagħad jiġi pprovdut lil diversi Stati Membri, tiġi mġiegħla, bis-saħħa ta' deċiżjoni li tordna li jintemm inkonvenjent potenzjali li jirriżulta minn din iċ-ċentrali elettrika mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ġar — li hija eżegwibbli fl-Istati Membri kollha skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali — tadatta dik l-installazzjoni għar-regoli tekniċi ta' Stat Membru ieħor jew anke — jekk, minħabba l-kumplessità ta' l-installazzjoni kollha kemm hi, ikun impossibbli li jittieħdu miżuri biex l-installazzjoni tiġi adattata — twaqqaf l-operazzjonijiet fl-installazzjoni, f'sitwazzjoni fejn dik il-qorti, b'riżultat ta' interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mogħtija mill-ogħla qorti ta' dak il-pajjiż, ma tkunx tista' tikkunsidra l-awtorizzazzjoni ta' operazzjoni eżistenti għaċ-ċentrali elettrika mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn tinsab l-installazzjoni, anke jekk tkun tista' tikkunsidra, fil-kuntest ta' tali azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent, awtorizzazzjoni għal installazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, bl-effett li l-ebda sentenza li tordna li jintemm inkonvenjent ma tingħata fir-rigward ta' installazzjoni li topera taħt awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti skond l-Artikolu 28 KE?
(b)
Il-ġustifikazzjonijiet stipulati fit-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa illegali, fi kwalunkwe każ, li ssir distinzjoni skond il-liġi ta' Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal installazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor, meta dik id-distinzjoni hija motivata mix-xewqa li tiġi protetta biss l-ekonomija nazzjonali iżda mhux l-ekonomija ta' Stat Membru ieħor, peress li din hija raġuni purament ekonomika li m'hijiex rikonoxxuta bħala li jistħoqqilha protezzjoni fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali?
(c)
Il-ġustifikazzjonijiet stipulati fit-Trattat KE u l-prinċipju korrispondenti ta' proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li distinzjoni globali magħmula skond il-liġi ta' Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal installazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u awtorizzazzjonijiet għal installazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor hija fiha nfisha illegali, għaliex l-operazzjoni ta' installazzjoni awtorizzata mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn din tinsab għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali ta' Stat Membru ieħor f'kull każ individwali abbażi tal-periklu reali maħluq mill-operazzjoni ta' l-installazzjoni lill-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jew abbażi ta' raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku oħra rikonoxxuti?
(d)
Fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet, il-qrati ta' Stat Membru huma obbligati, fi kwalunkwe każ, li jittrattaw l-awtorizzazzjoni ta' operazzjoni għal installazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn din tinsab bħala awtorizzazzjoni għal installazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi jekk l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn tinsab l-installazzjoni hija essenzjalment ekwivalenti, f'termini legali, għal dik ta' awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi?
(e)
Sabiex jiġu kkunsidrati l-mistoqsijiet preċedenti, huwa relevanti li l-installazzjoni awtorizzata fl-Istat Membru fejn din tinsab hija ċentrali nukleari, jekk, fi Stat Membru ieħor fejn hemm pendenti azzjoni biex jintemm inkonvenjent li hemm il-biża' li jirriżulta minn din iċ-ċentrali nukleari, l-operazzjoni ta' dak it-tip ta' installazzjoni hi pprojbita per se, minkejja li faċilitajiet nukleari oħra joperaw hemmhekk?
(f)
Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritta fil-mistoqsija 1(a) tikser l-Artikolu 28 KE, il-qrati ta' l-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b'mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu 'installazzjoni awtorizzata uffiċjalment' ikun jista' jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta' operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor?
2.
(a)
Il-fatt li impriża li topera ċentrali elettrika fi Stat Membru, b'konformità mal-liġijiet ta' dak l-Istat u mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja, tiġi mġiegħla, bis-saħħa ta' deċiżjoni li tordna li jintemm inkonvenjent potenzjali li jirriżulta minn din iċ-ċentrali elettrika mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ġar — li hija eżegwibbli fl-Istati Membri kollha skond ir-Regolament Nru 44/2001 — tadatta dik l-installazzjoni għar-regoli tekniċi ta' Stat Membru ieħor jew anke — jekk, minħabba l-kumplessità ta' l-installazzjoni kollha kemm hi, ikun impossibbli li jittieħdu miżuri biex l-instatllazzjoni tiġi adattata — twaqqaf l-operazzjonijiet fl-installazzjoni, f'sitwazzjoni fejn dik il-qorti, b'riżultat ta' interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mogħtija mill-ogħla qorti ta' dak il-pajjiż, ma tkunx tista' tikkunsidra l-awtorizzazzjoni ta' operazzjoni eżistenti għaċ-ċentrali elettrika mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn tinsab l-installazzjoni, anke jekk tkun tista' tikkunsidra, fil-kuntest ta' tali azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent, awtorizzazzjoni għal installazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, bl-effett li l-ebda sentenza li tordna li jintemm inkonvenjent ma tingħata fir-rigward ta' installazzjoni li topera taħt awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi, hu kompatibbli mal-projbizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor stipulata fl-Artikolu 43 KE?
(b)
Il-ġustifikazzjoni għal restrizzjoni fuq il-libertà ta' stabbiliment għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa illegali, fi kwalunkwe każ, li ssir distinzjoni skond il-liġi ta' Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal installazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor, meta dik id-distinzjoni hija motivata mix-xewqa li tiġi protetta biss l-ekonomija nazzjonali iżda mhux l-ekonomija ta' Stat Membru ieħor, peress li din hija raġuni purament ekonomika li mhijiex rikonoxxuta bħala li jistħoqqilha protezzjoni fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali?
(c)
Il-ġustifikazzjonijiet għal restrizzjoni fuq il-libertà ta' stabbiliment stipulati fit-Trattat KE u, partikolarment, il-prinċipju ta' proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li distinzjoni globali magħmula skond il-liġi ta' Stat Membru bejn awtorizzazzjonijiet għal installazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi u awtorizzazzjonijiet għal installazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor hija fiha nfisha illegali, għaliex l-operazzjoni ta' installazzjoni awtorizzata mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn din tinsab għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali ta' Stat Membru ieħor f'kull każ individwali abbażi tal-periklu reali maħluq mill-operazzjoni ta' l-installazzjoni lill-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jew abbażi ta' raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku oħra rikonoxxuti?
(d)
Fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet għall-vjolazzjoni tal-prinċipju ta' libertà ta' stabbiliment, il-qrati ta' Stat Membru huma obbligati, fi kwalunkwe każ, li jittrattaw l-awtorizzazzjoni ta' operazzjoni għal installazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn din tinsab bħala awtorizzazzjoni għal installazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi jekk l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Istat Membru fejn tinsab l-installazzjoni hija essenzjalment ekwivalenti, f'termini legali, għal dik ta' awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi?
(e)
Sabiex jiġu kkunsidrati l-mistoqsijiet preċedenti anki fil-kuntest tal-libertà ta' stabbiliment, huwa relevanti li l-installazzjoni awtorizzata fl-Istat Membru fejn din tinsab hija ċentrali nukleari, jekk, fi Stat Membru ieħor fejn hemm pendenti azzjoni biex jintemm inkonvenjent li hemm il-biża' li jirriżulta minn din iċ-ċentrali nukleari, l-operazzjoni ta' dak it-tip ta' installazzjoni hi pprojbita per se, minkejja li faċilitajiet nukleari oħra joperaw hemmhekk?
(f)
Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritta fil-mistoqsija 2(a) tikser l-Artikolu 43 KE, il-qrati ta' l-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b'mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu 'installazzjoni awtorizzata uffiċjalment' ikun jista' jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta' operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor?
3.
(a)
Il-fatt li l-qrati ta' Stat Membru jikkunsidraw awtorizzazzjonijiet għall-operazzjoni ta' installazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi fil-kuntest ta' azzjoni privata biex jintemm inkonvenjent mressqa kontra installazzjoni, bir-riżultat li d-dritt li jintlaqgħu talbiet għall-inibizzjoni ta' l-operazzjoni ta' l-installazzjoni jew għall-adattament tagħha jiġi eskluż, filwaqt li ma jikkunsidrawx, fil-kuntest ta' tali azzjonijiet, awtorizzazzjonijiet għall-operazzjoni ta' installazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra mogħtija mill-awtoritajiet ta' dawk l-Istati Membri, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta għal raġunijiet ta' ċittadinanza pprojbita skond l-Artikolu 12 KE?
(b)
Tali diskriminazzjoni taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat KE, fid-dawl tal-fatt li taffetwa l-kundizzjonijiet legali li taħthom l-impriżi li joperaw tali installazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ta' l-UE kif ukoll il-kundizzjonijiet legali li taħthom tali impriżi jipproduċu l-'elettriku' u jipprovduh lil Stati Membri oħra ta' l-UE, u fid-dawl tal-fatt li hi konnessa, għall-inqas indirettament, mar-realizzazzjoni tal-liberatjiet fundamentali?
(c)
Tali diskriminazzjoni tista' tkun ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi, peress li l-qrati relevanti ta' l-Istat Membru ma jagħmlux evalwazzjoni individwali li tikkunsidra l-kundizzjonijiet li fuqhom hi bbażata l-awtorizzazzjoni ta' l-installazzjoni fl-Istat Membru fejn tinsab? Il-fatt li l-qrati ta' l-Istati Membri l-oħra jikkunsidraw l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn tinsab l-installazzjoni — għall-inqas jekk il-kundizzjoni li din l-awtorizzazzjoni hija essenzjalment ekwivalenti, minn perspettiva legali, għal awtorizzazzjoni għal installazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi tkun sodisfatta — ma kienx ikun konsistenti mal-prinċipju ta' proporzjonalità?
(d)
Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritta fil-mistoqsija 3(a) tikser l-Artikolu 12 KE, il-qrati ta' l-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b'mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu 'installazzjoni awtorizzata uffiċjalment' ikun jista' jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta' operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor?
4.
(a)
Il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 10 KE japplika wkoll, fil-kuntest tal-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri?
(b)
Mill-prinċipju ta' kooperazzjoni leali għandu jkun dedott li l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika ta' l-Istati Membri l-oħra iktar diffiċli jew anke impossibli u dan japplika, partikolarment, għad-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta' installazzjonijiet nukleari fit-territorji tagħhom?
(c)
Jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali deskritta fil-mistoqsija 4(a) tikser l-Artikolu 10 KE, il-qrati ta' l-Istat Membru li quddiemhom hija pendenti azzjoni biex jintemm l-inkonvenjent huma obbligati jinterpretaw il-liġi domestika b'mod li tikkonforma mal-liġi Komunitarja, sabiex it-terminu 'installazzjoni awtorizzata uffiċjalment' ikun jista' jkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet ta' operazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet domestiċi kif ukoll dawk mogħtija mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor?
Full & Egal Universal Law Academy