9.5.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 116/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (l-Olanda) fil-21 ta' Marzu 2008 — Officier van justitie (Prosekutur pubbliku) vs D. Wolzenburg
(Kawża C-123/08)
(2008/C 116/33)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Amsterdam Internationale Rechtshulpkamer
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Officier van justitie (Prosekutur pubbliku)
Konvenut: D. Wolzenburg
Domandi preliminari
1)
Jistgħu jiġu inklużi fost il-persuni li jgħixu jew jirrisjedu fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni skond l-Artikolu 4(6) tad-deċiżjoni qafas il-persuni li m'għandhomx in-nazzjonalità ta' l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni u li, abbażi ta' l-Artikolu 18(1) KE, jirrisjedu legalment fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, ikun liema jkun it-tul ta' żmien ta' din ir-residenza legali?
2.a)
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-kunċetti msemmija fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkonċernaw persuni li m'għandhomx in-nazzjonalità ta' l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni iżda n-nazzjonalità ta' Stat Membru ieħor u li, qabel ma ġew arrestati minħabba mandat ta' arrest Ewropew, kienu jirrisjedu legalment għall-inqas għal żmien determinat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni abbażi ta' l-Artikolu 18(1) KE?
2.b)
Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għas-subparagrafu (a) tat-tieni domanda, liema huma f'dan il-każ il-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti għall-finijiet tat-tul ta' żmien tar-residenza legali?
3)
Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għas-subparagrafu (a) tat-tieni domanda, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni jista', minbarra rekwiżit relatat mat-tul ta' żmien ta' residenza legali, jimponi rekwiżiti amministrattivi supplimentari, bħall-pussess ta' permess ta' residenza għal terminu indeterminat?
4)
Miżura nazzjonali li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom, għall-finijiet ta' l-eżekuzzjoni ta' piena ta' priġunerija, l-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni tirrifjuta mandat ta' arrest Ewropew, taqa' taħt il-portata (materjali) tat-Trattat KE?
5)
Billi
—
it-tieni u l-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 6 tal-Liġi fuq iċ-ċediment ta' persuni (Overleveringswet — OLW) jikkostitwixxu regoli li jittrattaw b'mod identiku l-Olandiżi u l-persuni li m'għandhomx nazzjonalità Olandiża, iżda jkollhom fil-pussess tagħhom permess ta' residenza Olandiża għal terminu indeterminat
u
—
fir-rigward ta' dawn il-gruppi ta' persuni, iċ-ċediment ikollu jiġi rrifjutat minħabba dawn ir-regoli meta l-mandat ta' arrest Ewropew jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta' piena definittiva ta' priġunerija,
id-dispożizzjonijiet tat-tieni u l-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 6 ta' l-OLW jikkostitwixxu diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 12 KE peress li l-applikazzjoni tat-trattament identiku mhijiex estiża għaċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra li jkollhom dritt ta' residenza skond l-Artikolu 18(1) KE li minkejja li ma jitilfux dan id-dritt ta' residenza wara li tingħatalhom l-piena definittiva ta' priġunerija, ma jkollhomx permess ta' residenza Olandiża għal terminu indeterminat?
Full & Egal Universal Law Academy