21.6.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 158/10
Appell ippreżentat fl-1 ta' April 2008 minn Dorel Juvenile Group, Inc. mis-sentenza mogħtija fl-24 ta' Jannar 2008 fil-Kawża T-88/06 — Dorel Juvenile Group, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-131/08 P)
(2008/C 158/14)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanta: Dorel Juvenile Group, Inc. (rappreżentant: Dr. G. Simon, Rechtsanwältin)
Parti oħra fil-kawża: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
Talbiet ta' l-appellanta
L-appellanta ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) ta' l-24 ta' Jannar 2008, Kawża T-88/06;
—
tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell tal-UASI tal-11 ta' Jannar 2006, Każ R-616/2004-2; u
—
tikkundanna l-appellat għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanta ssosnti li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni ta' trade mark hija ristrettiva wisq. L-appelanta tqis li l-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat il-karattru tat-terminu “SAFETY 1st” permezz ta' analiżi separata ta' l-element “1st” u bbażat is-sentenza tagħha fuq il-preżunzjoni li peress li l-element “1st” huwa nieqes minn karattru distintiv, huwa ma jistax jikseb tali karattru meta jkun ikkombinat mat-trade mark “SAFETY”. Skond l-appellanta l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark fuq il-perċezzjoni ġenerali tal-konsumatur medju tal-kliem “SAFETY 1st”. Is-separazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-trade mark “SAFETY 1st” fil-partijiet komponenti tagħha ma tirriflettix il-perspettiva u l-approċċ adottati mill-konsumaturi.
Is-sentenza kkontestata hija bbażata fuq il-kriterju li jgħid li l-espressjoni s-sigurtà l-ewwel tintuża biex tindika l-oġġetti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala “informazzjoni dwar il-kwalità jew karatteristika ta' l-oġġetti”. L-appellanta ssostni li dan il-kriterju huwa rilevanti fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 iżda m'għandux ikun il-kriterju ta' evalwazzjoni għall-Artikolu 7(1)(b) ta' l-istess regolament. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-opinjoni tagħha li t-trade mark in kwistjoni taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(b) fuq il-fatt li ma hija ma kinitx tissodisfa l-kriterji għall-protezzjoni rregolati mill-Artikolu 7(1)(ċ).
Fl-aħħar nett, l-appellanta tqis li l-Qorti tal-Prim'Istanza injorat il-fatt li l-Artikolu 12(b) tar-Regolament 40/94 (1) jikkostitwixxi korrezzjoni ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(b).
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy