7.6.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 142/19
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fid-9 ta' April 2008 — Club Hotel Loutraki AE, Athinaïki Techniki AE, Anonymi Etaireia, Evangelos Marinakis vs Ethniko Symvoulio Radiotileorasis, Ypourgos Epikrateías
(Kawża C-145/08)
(2008/C 142/30)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Club Hotel Loutraki AE, Athinaïki Techniki AE, Anonymi Etaireia, Evangelos Marinakis.
Konvenuti: Ethniko Symvoulio Radiotileorasis, Ypourgos Epikrateías.
Domandi preliminari
1)
Kuntratt li bih awtorità kontraenti tagħti lill-impriża kontraenti r-responsabbiltà għall-ġestjoni ta' impriża ta' casino u għat-twettiq ta' pjan ta' żvilupp, li jikkonsisti fl-immodernizzar tal-bini tal-casino u l-esplojtazzjoni kummerċjali tal-possibbilitajiet tal-liċenzja ta' dan il-casino, u li għandu l-kundizzjoni li jekk, fil-futur, fiż-żona fejn hemm il-casino in kwistjoni, ikun hemm casino ieħor li jopera legalment, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tħallas kumpens lill-impriża kontraenti, jikkostitwixxi kuntratt ta' konċessjoni mhux irregolat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50/KEE?
2)
Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, rikors imressaq mill-persuni li ħadu sehem fi proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku ta' natura mħallta, li jipprevedi b'mod partikolari l-provvista ta' servizzi li jaqgħu fl-Anness I B tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU 1992, L 209), rikors li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali tal-persuni li jieħdu sehem fil-proċedura ta' għoti tal-kuntratt (prinċipju kkonfermat mill-Artikolu 3(2) tad-direttiva in kwistjoni), jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU 1989, L 395) jew din l-applikazzjoni hija eskluża peress li, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50/KEE, huma biss l-Artikoli 14 u 16 ta' din ta' l-aħħar li japplikaw għall-proċedura ta' għoti tal-kuntratt ta' servizzi msemmi aktar 'il fuq?
3)
Fil-każ ta' risposta pożittiva għat-tieni domanda preliminari, jekk jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li huma biss il-membri flimkien ta' konsorzju li m'għandux personalità ġuridika li jkun ħa sehem mingħajr suċċess fil-proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku li jistgħu jressqu rikors kontra l-att ta' aġġudikazzjoni u mhux il-membri b'mod individwali tiegħu mhijiex kuntrarja, bħala regola ġenerali, għad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665/KEE, dan jgħodd ukoll meta r-rikors ikun ġie ppreżentat inizjalment mill-membri kollha tal-konsorzju flimkien iżda finalment jirriżulta li kien inammissibbli fir-rigward ta' wħud minnhom u, barra minn dan, huwa neċessarju, sabiex ir-rikors imsemmi jiġi ddikjarat inammissibbli, li jiġi eżaminat, fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-direttiva ċċitata aktar 'il fuq, safejn dawn il-membri tal-konsorzju jibqgħalhom wara dan, b'mod individwali, id-dritt li jitolbu quddiem qorti oħra nazzjonali d-danni eventwalment previsti minn dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali?
4)
Meta, skond ġurisprudenza kostanti, qorti nazzjonali kkunsidrat li r-rikors imressaq minn membru individwali ta' konsorzju kontra att li jagħmel parti minn proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku huwa ammissibbli, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665/KEE, interpretata fid-dawl ta' l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, jippermettu li rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba tibdil fil-ġurisprudenza kostanti msemmija qabel, mingħajr ma tingħata minn qabel lir-rikorrent il-possibbiltà li jirrimedja l-inammissibbiltà, jew, fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din il-kwistjoni, skond il-prinċipju tal-kontradittorju?
Full & Egal Universal Law Academy