5.7.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 171/15
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Arbeitsgerichts Hamburg (Il-Ġermanja) fl-10 ta' April 2008 — Jürgen Römer vs Freie und Hansestadt Hamburg
(Kawża C-147/08)
(2008/C 171/26)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Arbeitsgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Jürgen Römer
Konvenuta: Freie und Hansestadt Hamburg
Domandi preliminari
1)
Il-pensjonijiet supplimentari mħallsin lil ex-impjegati tal-Freien und Hansestadt Hamburg (iktar 'il quddiem il-“belt ta' Hamburg”) u lis-superstiti tagħhom, irregolati mill-ewwel Ruhegeldgesetz der Freien und Hansestadt Hamburg (l-ewwel liġi tal-belt ta' Hamburg fuq il-pensjoni ta' rtirar, iktar 'il quddiem “l-ewwel RGG”), jikkostitiwixxu “ħlasijiet […] magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta' sigurtà soċjali jew ta' protezzjoni soċjali”, fis-sens ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (1) tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2000/78”), b'tali mod li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għas-settur kopert mill-ewwel RGG?
2)
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għad-domanda preċedenti:
2.1
Id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel RGG, li jagħmlu distinzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta' pensjonijiet, bejn il-benefiċjarji miżżewġin u l-benefiċjarji l-oħrajn, billi jagħtu vantaġġ lil dawk ta' l-ewwel — meta mqabbla mal-persuni li kkonkludew unjoni tul il-ħajja rregistrata (Lebenspartnerschaft) ma' persuna ta' l-istess sess (iktar 'il quddiem l-“imsieħba” skond il-liġi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-unjoni tul il-ħajja (Lebenspartnerschaftgesetz) — jikkostitwixxu “liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili [u] d-drittijiet li jiddependu minnhom” fis-sens tal-premessa tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78?
2.2
Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda preċedenti:
Dan iwassal għan-nuqqas ta' applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 għad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq ta' l-ewwel RGG minkejja li l-imsemmija direttiva ma tinkludi l-ebda limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha li jikkorispondi għall-premessa tnejn u għoxrin?
3)
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel parti tat-tieni domanda jew għat-tieni parti tat-tieni domanda:
L-Artikolu 10(6) ta' l-ewwel RGG, li jgħid li l-pensjonijiet imħallsin lill-benefiċjarji miżżewġin mhux separati b'mod permanenti jitqiesu li jaqgħu taħt il-klass ta' taxxa III/0 (vantaġġjuża għall-persuna taxxabbli), u l-pensjonijiet tal-benefiċjarji l-oħrajn kollha jitqiesu li jaqgħu taħt il-klassi ta' taxxa I (żvantaġġjuża għall-persuna taxxabbli), jikser id-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikolu 1, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1)(ċ), tad-Direttiva 2000/78, fil-każ ta' benefiċjarju li kkonkluda unjoni tul il-ħajja ma' persuna ta' l-istess sess li mhuwiex separat b'mod permanenti minnha?
4)
Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew għat-tieni parti tat-tieni domanda, jew jekk tingħata risposta negattiva għat-tielet domanda:
Fid-dawl tar-regoli msemmija fid-domanda 3, jew tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-livell ġuridiku, l-Artikolu 10(6) ta' l-ewwel RGG jikser l-Artikolu 141 KE jew prinċipju ġenerali ta' dritt Komunitarju?
5)
Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għat-tielet domanda jew għar-raba' domanda:
Dan għandu bħala konsegwenza li, sakemm l-Artikolu 10(6) ta' l-ewwel RGG ma jiġix emendat b'tali mod li jirrimedja n-nuqqas ta' ugwaljanza fit-trattament invokata, il-benefiċjarju mhux separat b'mod permanenti u li kkonkluda unjoni tul il-ħajja rreġistrata jkun jista' jitlob li jiġi ttrattat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tiegħu, bħala benefiċjarju miżżewweġ li mhuwiex separat b'mod permanenti? Jekk dan huwa l-każ, dan japplika wkoll — jekk hija applikabbli d-Direttiva 2000/78 u jekk tingħata risposta pożittiva għad-domanda 3 — minn qabel l-iskadenza tat-terminu implementat previst mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/78?
6)
Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ħames domanda:
Dan japplika biss, skond il-motivi tas-sentenza tas-17 ta' Mejju 1990, Barber (C-262/88, Ġabra p. I-1889), taħt il-kundizzjoni li l-ugwaljanza fit-trattament għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tapplika biss għad-drittijiet miksuba mill-benefiċjarju mis-17 ta' Mejju 1990?
(1) ĠU L 303, p. 16.
Full & Egal Universal Law Academy