5.7.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 171/18
Appell ippreżentat fil-15 ta' April 2008 minn Isabella Scippacercola u Ioannis Terezakis mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fis-16 ta' Jannar 2008 fil-kawża T-306/05: Isabella Scippacercola u Ioannis Terezakis vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-159/08 P)
(2008/C 171/31)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Isabella Scippacercola, Ioannis Terezakis (rappreżentant: B. Lombart, avocat)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet ta' l-appellanti
—
tanulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-306/05 Isabella Scippacercola u Ioannis Terezakis vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2005 mogħtija skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 (1) innotifikata lill-appellanti fis-6 ta' Frar 2008 li tirrifjuta li tiftaħ investigazzjoni fil-fond dwar l-imposti eċċessivi magħmula mill-Ajruport Internazzjonali ta' Ateni ta' Spata l-ġdid li għandu pożizzjoni dominanti fir-rigward ta':
(a)
imposta tas-sigurtà tal-passiġġieri
(b)
imposta tal-faċilità tat-terminal tal-passiġġieri
(ċ)
imposti għas-servizzi ta' l-ipparkjar ta' karozzi
—
tordna li l-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jitħallsu mill-Kummissjoni.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jissottomettu li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tistabbilixxi li bin-nuqqas tagħha li teżamina l-imposti ta' l-AIA fir-rigward tas-sigurtà, tal-faċilitajiet tat-terminals u ta' l-ipparkjar tal-karozzi fid-dawl ta' l-ispejjeż tagħhom u billi għamlet paraguni inkonklużivi ta' l-imposti ta' l-AIA ma' dawk ta' ajruporti Ewropej oħra li ma jipprovdux servizzi kompetituri għall-finijiet ta' l-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni kisret id-dritt Komunitarju kif stabbilit fil-kawża 27/76 United Brands vs Il-Kummissjoni u li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-dritt Komunitarju billi naqset milli tistabbilixxi li l-Kummissjoni, fl-ewwel lok, naqset milli tikkunsidra l-aspetti fattwali rilevanti kollha li kienu jeżistu meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata kif rikjest mill-ġurisprudenza fil-kawża C-119/97 Ufex et vs Il-Kummissjoni, u, fit-tieni lok, ibbażat id-deċiżjoni kkontestata tagħha fuq fatti materjalment inkorretti u għalhekk hija vvizjata bi żball manifest ta' evalwazzjoni u użu ħażin ta' poter.
Qed jiġi argumentat li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi billi ma sabitx li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kontrolli tas-sigurtà ma kinux jikkostitwixxu attività ekonomika u li s-servizzi ta' l-ipparkjar ta' karozzi ma kinux jikkostitwixxu suq rilevanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 82 KE.
Fir-rigward ta' l-allegat żball ta' liġi dwar l-applikazzjoni ta' imposta tal-faċilità tat-terminal għall-passiġġieri fuq titjiriet intra-Komunitarji u internazzjonali li hija ogħla minn dik applikata għal dawk fuq titjiriet domestiċi, u l-applikazzjoni ta' imposta tal-faċilità tat-terminal u ta' imposta tas-sigurtà għall-passiġġieri fuq titjiriet skedati li m'humiex applikati għal dawk fuq titjiriet charter, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tistabbilixxi li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu ħsieb tiżgura li l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni ma ġiex miksur mill-prattiċi ta' l-AIA.
Fl-aħħar nett, qed jiġi sottomess li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma żammitx mad-drittijiet u l-proċeduri stabbiliti, fl-ewwel lok, billi injorat iċ-ċifri li l-appellanti ħadu minn fonti uffiċjali li juru li l-AIA imponiet prezzijiet eċċessivi, fit-tieni lok, billi pparagunat l-imposti ta' Spata ma' dawk ta' ajruporti Ewropej oħra li kienu irrilevanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 82 KE u, fit-tielet lok, billi għamlet talba għal informazzjoni lill-AIA fejn naqset, inter alia, milli teżamina l-ispiża tal-kostruzzjoni ta' l-ajruport u l-ispejjeż ta' inkorporazzjoni u ta' stabbiliment ta' l-AIA.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, p. 18).
Full & Egal Universal Law Academy