5.7.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 171/20
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Monomeles Protodikeio Rethymnis (il-Greċja) fis-17 ta' April 2008 — Dimitrios G. Ladakis, Andréas M. Birtas, Konstantinos G. Kyriakopoulos, Emmanouil V. Klamponis, Sofoklis E. Mastorakis vs Dimos Geropotamou
(Kawża C-163/08)
(2008/C 171/33)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Monomeles Protodikeio Rethymnis (il-Greċja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dimitrios G. Ladakis, Andréas M. Birtas, Konstantinos G. Kyriakopoulos, Emmanouil V. Klamponis, Sofoklis E. Mastorakis
Konvenut: Dimos Geropotamou
Domandi preliminari
1)
Il-klawżola 5 u l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, li jifforma parti integrali mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (ĠU L 175 ta' l-10 ta' Lulju 1999, p. 43), għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprojbixxi (għall-finijiet ta' l-implementazzjoni ta' l-imsemmi ftehim qafas) lill-Istat Membru milli jadotta miżuri meta: a) qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, tkun diġà teżisti fl-ordinament legali nazzjonali, miżura legali ekwivalenti, fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas? b) il-miżuri adottati għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas ikunu jinvolvu tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss?
2)
Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, safejn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE kienet teżisti, fl-ordinament legali nazzjonali, miżura ekwivalenti fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti għal dan il-każ ta' l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta' miżura leġiżlattiva sabiex jiġi implementat il-ftehim qafas — bħad-dispożizzjoni rilevanti għal dan il-każ ta' l-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 — tikkostitwixxi tnaqqis inaċċettabbli, fl-ordinament legali nazzjonali, tal-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss, fis-sens tal-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas:
a)
meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva ta' implementazzjoni tal-ftehim qafas tiġi adottat wara li jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE, iżda li ratione temporis tapplika biss għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta' impjieg għal żmien fiss li kienu validi qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura jew li kienu skadew f'perijodu determinat qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura, iżda wara d-data ta' l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva, filwaqt li l-applikazzzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti ma tkunx limitata fiż-żmien u tkun tirrigwarda l-kuntratti ta' impjieg għal żmien fiss kollha konlużi, validi jew li jkunu skadew meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva u meta jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha?
b)
meta fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija miżura leġiżlattiva jidħlu biss il-kuntratti jew relazzjonijiet ta' impjieg għal żmien fiss li, sabiex jiġu kkunsidrati bħala suċċessivi, għandhom b'mod kumulattiv:
i)
ma jkunux separati minn intervalli li jeċċedu tliet xhur u
ii)
jkollhom tul ta' żmien totali ta' mill-inqas erba' u għoxrin xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura msemmija, indipendentement min-numru ta' tiġdid kuntrattwali, jew li kellhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura msemmija, tul ta' żmien ta' mill-inqas tmintax-il xahar fuq total ta' erba' u għoxrin, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ikun iġġedded mill-inqas tliet darbiet, minbarra l-kuntratt inizjali, filwaqt li l-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti ma tkunx timponi tali kundizzjonijiet iżda tapplika għall-kuntratti ta' impjieg kollha (suċċessivi) għal żmien fiss, indipendentement mit-tul ta' żmien minimu ta' impjieg u min-numru minimu ta' tiġdidiet?
ċ)
meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva li timplimenta l-ftehim qafas toħloq, sabiex tipproteġi lill-ħaddiema impjegati għal żmien fiss u sabiex tipprevjeni l-abbuż skond il-ftehim qafas, il-konsegwenza legali li l-kuntratti ta' impjieg għal żmien fiss jiġu kkwalifikati bħala kuntratt għal żmien indefinit ex nunc, filwaqt li l-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti tipprovdi li din il-kwalifika għandha ssir b'mod retroattiv (ex tunc)?
3)
Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, safejn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE kienet teżisti miżura ekwivalenti fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti għal dan il-każ ta' l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta' miżura leġiżlattiva għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas bħad-dispożizzjoni rilevanti għal dan il-każ ta' l-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 — li jipprevedi bħala l-unika protezzjoni kontra l-abbuż tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss l-obbligu ta' min iħaddem li jħallas il-pagi u indennizz għat-tkeċċija mix-xogħol, f'każ ta' impjieg abbużiv permezz ta' kuntratti ta' impjieg għal żmien fiss suċċessivi — tikkostitwixxi tnaqqis inaċċettabbli, fl-ordinament legali nazzjonali, tal-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss, fis-sens tal-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas, fid-dawl tal-fatt:
a)
li l-obbligu ta' min iħaddem li jħallas il-pagi u indennizz għat-tkeċċija mix-xogħol huwa previst mid-dritt nazzjonali għall-każijiet kollha ta' relazzjoni ta' xogħol u mhuwiex speċifikatament intiż sabiex jipprevjeni l-abbuż fis-sens tal-ftehim qafas; u
b)
li l-applikazzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti għandha bħala konsegwenza legali li l-kuntratti suċċessivi ta' impjieg għal żmien fiss jiġu kkwalifikati mill-ġdid bħala kuntratti għal żmien indefinit?
4)
Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, meta tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tad-Direttiva 1999/70/KE, il-qorti nazzjonali għandha teskludi d-dispożizzjonijiet li ma jkunux kompatibbli magħha li jkunu ġew adottati bil-għan li jiġi implementat il-ftehim qafas, iżda li jwasslu għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni fid-dritt nazzjonali tal-ħaddiema impjegati għal żmien fiss — bħad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 7 u 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 — u għandha tapplika, minflok dawn, id-dispożizzjonijiet tal-miżura legali ekwivalenti nazzjonali li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, bħad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920?
5)
Meta l-qorti nazzjonali tiddeċiedi li f'kawża li tirrigwarda impjieg għal żmien fiss tapplika — bħala regola ġenerali — dispożizzjoni (f'dan il-każ l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920) li tikkostitwixxi miżura legali ekwivalenti fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas u abbażi ta' liema l-konstatazzjoni li xi kuntratti ta' impjieg kienu ġew konklużi għal żmien fiss mingħajr ma' dan huwa ġġustifikat b'raġuni oġġettiva li tirrigwarda n-natura jew il-karatteristiċi tal-kuntratt jew ta' l-attività, timplika l-kwalifikazzjoni mill-ġdid ta' dan il-kuntratt bħala kuntratt għal żmien indefinit:
a)
interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali, bis-saħħa ta' liema l-fatt li l-konklużjoni tar-relazzjonijiet ta' impjieg għal żmien fiss fis-settur pubbliku kienet legalment ibbażata fuq liġi li tirrigwarda x-xogħol għal żmien fiss sabiex jiġu koperti bżonnijiet soċjali speċjali, komplimentari, urġenti jew provviżorji, anki meta dawn il-bżonnijiet ikunu fir-realità “permanenti u dewwiema”, jikkostitwixxi f'kull każ raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-konklużjoni ta' kuntratti għal żmien fiss, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju?
b)
id-dritt Komunitarju jipprekludi interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali, bis-saħħa ta' liema dispożizzjoni li tipprojbixxi li kuntratti ta' impjieg għal żmien fiss konklużi fis-settur pubbliku jiġu ttrasformati f'kuntratti ta' impjieg għal żmien indefinit għandha tiġi interpretata fis-sens li fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni ta' kuntratt għal żmien fiss f'kuntratt għal żmien indefinit hija totalment ipprojbita, anki meta dan il-kuntratt ikun ġie konkluż għal żmien fiss b'mod abbużiv (jiġifieri meta l-bżonnijiet li ġew issodisfati kienu fir-realtà permanenti u dewwiema), u li f'tali każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tevalwa iktar in-natura reali tar-relazzjoni ta' impjieg ikkontestata sabiex tipproċedi għall-kwalifikazzjoni korretta tagħha bħala kuntratt għal żmien indefinit? Jew inkella, il-projbizzjoni msemmija iktar 'il fuq għandha tillimita ruħha biss għall-kuntratti għal żmien fiss li fil-fatt ikunu ġew konklużi sabiex ikopru bżonnijiet proviżorji, mhux previsti, urġenti, eċċezzjonali jew simili, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti konklużi sabiex ikopru bżonnijiet li fil-fatt huma permanenti u dewwiema?
Full & Egal Universal Law Academy