5.7.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 171/24
Rikors ippreżentat fil-25 ta' April 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-171/08)
(2008/C 171/36)
Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Montaguti, P. Guerra e Andrade u M. Telles Romão, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tiddikjara li r-Repubblika Portugiża, billi żammet id-drittijiet speċjali ta' l-Istat u ta' entitajiet pubbliċi oħra f'Portugal Telecom S.A., li jirriżultaw mill-ishma privileġġati (golden shares) ta' l-Istat f'Portugal Telecom S.A., naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 56 u 43 KE.
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Istat Portugiża huwa detentur ta' 500 sehem privileġġati (golden shares) f'Portugal Telecom S.A. (iktar 'il quddiem “PT”). Dawn l-ishma jagħtu lill-Istat id-dritt ta' veto fir-rigward tad-deliberazzjonijiet għall-elezzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali, għall-elezzjoni tal-President tal-Kumitat Sindakali u tar-reviżur uffiċjali tal-kontijiet, għall-eżekuzzjoni tar-riżultati ta' l-eżerċizzju, għall-bidla ta' l-istatut, għaż-żieda fil-kapital, għal-limitazzjoni u għall-eliminazzjoni ta' drittijiet privileġġati, għall-ħruġ ta' sigurtajiet u ta' titoli immobbli oħra, għall-iffissar ta' l-għanijiet ġenerali u tal-prinċipji fundamentali tal-politika tal-kumpannija, għad-definizzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-politika dwar il-parteċipazzjoni f'kumpanniji, għall-awtorizzazzjoni tal-bidla fis-sede u għall-awtorizzazzjoni ta' l-akkwist ta' ishma li jirrappreżentaw iktar minn 10 % tal-kapital azzjonarju mingħand azzjonisti li jeżerċitaw, direttament jew indirettament, attivitajiet kompetittivi permezz ta' kumpanniji li jeżerċitaw kontroll fuq PT u d-dritt ta' veto fir-rigward ta' terz ta' l-amministraturi, inkluż, neċessarjament, il-President tal-Kumitat Amministrattiv.
Skond il-Kummissjoni, dawn id-drittijiet ta' veto jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital u għal-libertà ta' stabbiliment. Miżuri bħal dawn jikkostitwixxu ostakolu għall-investiment dirett f'PT, ostakolu għall-investiment f'portafoll u ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment.
Id-drittijiet speċjali ta' l-Istat in kwistjoni jikkostitwixxu miżuri meħuda mill-Istat peress li l-ishma privileġġati ma jirriżultawx minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji.
Il-“golden shares” in kwistjoni mhumiex marbuta ma' għanijiet leġittimi ta' interess ġenerali, u b'mod partikolari mhumiex marbuta ma' l-għanijiet invokati mill-Istat Portugiż, jiġifieri s-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku, il-konservazzjoni tan-netwerks bil-kejbils u bil-fili ta' l-azzar, u l-konservazzjoni minn PT ta' l-operazzjonijiet bl-ingrossa u bl-imnut, il-konċessjoni tas-servizz pubbliku, il-mudell ta' regolazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, u l-eventwali tfixkil tas-suq tal-kapital.
Fi kwalunkwe każ, l-Isat Portugiż ma jirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità peress li l-miżuri in kwistjoni mhumiex adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom u jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
Full & Egal Universal Law Academy