2.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 197/4
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Ġermanja) fid-29 ta' April 2008 Khoshnaw Abdullah vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-177/08)
(2008/C 197/06)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesverwaltungsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Khoshnaw Abdullah
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li, indipendentement mit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 1C(5) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Rifuġjati tat-28 ta' Lulju 1951 (Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-rifuġjati), persuna titlef l-istatus tagħha ta' rifuġjat meta ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw il-biża' li hija kellha li tiġi ppersegwitata fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ) ta' din id-direttiva u li abbażi tagħhom hija ġiet rikonoxxuta bħala rifuġjat, ma baqgħux jeżistu, u meta hija lanqas m'għandha raġunijiet oħra li tibża' li tiġi ppersegwitata fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ) imsemmi iktar 'il fuq?
2)
Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, it-telf ta' l-istatus ta' rifuġjat skond l-Artikolu 11(1)(e) ta' din id-direttiva jimplika barra minn hekk li, fil-pajjiż li tiegħu r-rifuġjat huwa ċittadin:
a)
teżisti parti li tipprovdi protezzjoni skond l-Artikolu 7(1) ta' din id-direttiva, u huwa biżżejjed f'dan ir-rigward li l-protezzjoni tista' tingħata biss bl-għajnuna ta' truppi multinazzjonali;
b)
ir-rifuġjat ma jkun mhedded minn ebda periklu serju fis-sens ta' l-Artikolu 15 ta' din id-direttiva liema periklu jagħti lok għall-provvista ta' protezzjoni sussidjarja skond l-Artikolu 18 ta' din l-istess direttiva u/jew
c)
is-sitwazzjoni tkun stabbli mill-aspett tas-sigurtà u l-kundizzjonijiet ġenerali ta' ħajja jiggarantixxu l-minimu vitali?
3)
Fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom il-persuna kkonċernata tkun ġiet rikonoxxuta bħala rifuġjat m'għadhomx jeżistu, iċ-ċirkustanzi ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża' mill-persekuzzjoni:
a)
għandhom jiġu evalwati skond l-kriterju ta' plawżibbiltà li japplika diġà għar-rikonoxximent ta' l-istatus ta' rifuġjat jew skond kriterju ieħor u
b)
għandhom jiġu evalwati billi jittieħed in kunsiderazzjoni t-tnaqqis ta' l-oneru tal-prova taħt l-Artikolu 4(4) tad-direttiva ċċitata iktar 'il fuq?
(1) ĠU L 304, p. 12.
Full & Egal Universal Law Academy