15.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 209/20
Appell ippreżentat fid-29 ta' April 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fl-14 ta' Frar 2008 fil-kawża T-351/05, Provincia di Imperia vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-183/08 P)
(2008/C 209/28)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Martin u L. Flynn, aġenti)
Appellata: Provincia di Imperia
Talbiet ta' l-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Frar 2008 fil-kawża T-351/05;
—
tiddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-Provincia di Imperia f'din il-kawża;
—
tikkundanna lill-Provincia di Imperia għall-ispejjeż tal-Kummissjoni f'din il-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Bl-appell tagħha l-Kummissjoni tilmenta li s-sentenza appellata kisret il-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà ta' rikors għal annullament ippreżentat taħt l-Artikolu 230 KE, b'mod partikolari meta tikkunsidra li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha interess ġuridiku. Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika mhuwiex ammissibbli ħlief meta dan ir-rikors ikun jista', bir-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-awtur tiegħu. Issa, f'dan il-każ, ir-rikors tar-rikorrenti huwa manifestament inammissibbli peress li sentenza ta' annullament ta' l-att ikkontestat, ma tistax, hija stess, tagħti “benefiċċju” lil din il-parti. Fil-fatt l-għoti ta' sussidju huwa konċessjoni mogħtija mill-Kummissjoni, u għalhekk, offerent li jirrispondi għal appell għal proposti ma jkollu l-ebda dritt jikseb tali sussidju.
Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anke jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha interess ġuridiku fil-ġurnata meta ppreżentat ir-rikors, l-istess interess kien ipotetikament spiċċa fil-ġurnata meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza appellata minħabba li l-baġit kollu destinat għas-sejħa għal proposti kien spiċċa u l-programmazzjoni kienet intemmet.
Full & Egal Universal Law Academy