2.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 197/7
Rikors ippreżentat fis-6 ta' Mejju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs L-Irlanda
(Kawża C-188/08)
(2008/C 197/11)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: S. Pardo Quintillán u D. Lawunmi, aġenti)
Konvenuta: L-Irlanda
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li billi ilmijiet domestiċi mormija eliminati minn tankijiet settiċi u minn sistemi individwali oħra ta' trattament ta' l-ilma fil-kampanja m'humiex, għall-finijiet ta' l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/156/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 (2), koperti minn leġiżlazzjoni oħra Komunitarja jew Irlandiża, l-Irlanda, fir-rigward ta' dawn l-ilmijiet domestiċi mormija, naqset milli tittrasponi totalment u b'mod korrett fil-leġiżlazzjoni domestika tagħha r-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13 u 14 ta' din id-Direttiva u naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
—
tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż ta' din il-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li fl-Irlanda la hemm leġiżlazzjoni domestika u lanqas leġiżlazzjoni Komunitarja li tipprovdi għall-immaniġġjar skond id-Direttiva, ta' l-ilmijiet domestiċi mormija eliminati minn tankijiet settiċi u minn sistemi individwali oħra ta' trattament barra agglomerazzjonijiet kbar.
Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni oħra, l-Irlanda hija obbligata tittrasponi u tapplika r-rekwiżiti tad-direttiva għal tali ilmijiet mormija. Madankollu, l-Irlanda ma ttrasponietx u lanqas ma allegat li ttrasponiet dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, fil-prattika ma kkonformatx ruħha ma' dawk ir-rekwiżiti. B'mod partikolari, l-Irlanda, fir-rigward ta' l-ilmijiet mormija in kwistjoni:
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 tad-direttiva. It-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 4 hija importanti għaliex huwa jistipula għanijiet ambjentali li għandhom jiġu segwiti u rrispettati fil-konfront ta' dmirijiet oħra tad-direttiva. Il-Kummissjoni ssostni li hemm ukoll nuqqas ta' konformità ma' l-Artikolu 4 fil-prattika fiż-żona fejn jinġabar l-ilma f'Lough Leane. Dan joħroġ mill-evidenza li ppreżentat dwar id-dannu ambjentali li jirriżulta minn nuqqas li tankijiet settiċi jkunu kkontrollati b'mod xieraq.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 tad-direttiva. L-Artikolu 7 huwa importanti għaliex inter alia jipprovdi għal ippjanar bil-quddiem fir-rigward tat-territorju kollu ta' arranġamenti għar-rimi ta' skart f'postijiet xierqa sabiex ikun evitat dannu ambjentali. Minbarra li naqset milli tittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva, l-Irlanda fil-prattika naqset milli timplementa pjani li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7 fir-rigward ta' tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tad-direttiva. L-Artikolu 8 huwa importanti għaliex jistipula li l-iskart għandu jintrema skond id-direttiva. Hemm ukoll nuqqas ta' konformità ma' l-Artikolu 8 fil-prattika fl-Irlanda, peress li l-Irlanda ma tassigurax li ilmijiet domestiċi mormija jiġu eliminati skond id-direttiva.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tad-direttiva. L-Artikolu 9 huwa importanti għaliex jipprovdi għal approvazzjoni formali minn qabel b'salvagwardji ambjentali ta' operazzjoni għar-rimi ta' l-ilma. Il-kontrolli li l-Irlanda tapplika fil-prattika għat-tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament m'humiex ekwivalenti u għalhekk hemm nuqqas ta' konformità fil-prattika ma' l-Artikolu 9.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 tad-direttiva. Il-Kummissjoni tqis li r-rimi ta' ilmijiet mormija eliminati minn tankijiet settiċi jew sistemi individwali oħra ta' trattament fil-prattika kważi dejjem jammonta għal operazzjoni ta' rimi għall-finijiet tad-direttiva. Madankollu, jista' jkun li, f'xi ċirkustanzi, jista' jiġi argumentat li l-metodu tat-trattament għandu jiġi kkunsidrat bħala operazzjoni ta' rkupru. Dan jista' jkun il-każ, per eżempju, għal bdil f'kompost niexef ta' ilmijiet domestiċi mormija sabiex wara jintuża bħala fertilizzant. Għalhekk, il-Kummissjoni inkludiet l-Artikolu 10 f'dan ir-rikors.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 tad-direttiva. L-Irlanda ma tallegax, għall-finijiet ta' l-Artikolu 11(3) jew għal skopijiet oħra, li ttrasponiet id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 tad-direttiva, imma li kieku kellha tipprova tagħmel dan, il-Kummissjoni f'dak il-każ issostni li regoli bħal dawk li implementat għal tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament ma jwasslux għat-traspożizzjoni ta' l-Artikoli 11(1) u (2) tad-direttiva. B'mod partikolari, ir-regoli applikabbli fl-Irlanda ma jassigurawx li l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 4 tad-direttiva jiġu rispettati. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda sistema ta' reġistrazzjoni ta' tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12 tad-direttiva. L-Artikolu 12 huwa importanti fir-rigward ta' tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament peress li, sabiex joperaw b'mod effettiv, tali sistemi għandhom bżonn it-tneħħija u r-rimi tal-ħama perjodikament. Minkejja li hemm servizzi professjonali involuti f'tali tneħħija u rimi, dawn m'humiex indirizzati fil-liġi Irlandiża u fil-prattika skond id-direttiva.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 tad-direttiva. L-Artikolu 13 huwa importanti peress li, mingħajr manutenzjoni xierqa, anke tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament mqiegħdin f'post tajjeb u installati tajjeb jistgħu ma jaħdmux sew u jikkawżaw dannu ambjentali. Għalhekk sistema ta' spezzjoni hija kruċjali. L-evidenza ta' l-istudju ta' Lough Lane turi li, minbarra li naqset milli tittrasponi r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 13 tad-direttiva, l-Irlanda naqset milli tirrispetta fil-prattika r-rekwiżiti fir-rigward ta' tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament.
—
ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 tad-direttiva. L-Artikolu 13 huwa importanti fir-rigward taż-żamma ta' reġistru li jgħin sabiex ikun assigurat li tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament ma jitgħabbewx iżżejjed u jingħataw manutenzjoni tajba. L-evidenza ta' l-istudju ta' Lough Lane turi li, minbarra li naqset milli tittrasponi r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 14 ta' din id-direttiva, l-Irlanda naqset milli tirrispetta fil-prattika r-rekwiżiti fir-rigward ta' tankijiet settiċi u sistemi individwali oħra ta' trattament.
(1) ĠU L 194, p. 39.
(2) ĠU L 078, p. 32.
Full & Egal Universal Law Academy