2.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 197/10
Rikors ippreżentat fil-14 ta' Mejju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' l-Awstrija
(Kawża C-198/08)
(2008/C 197/15)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: W. Mölls)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta' l-Awstrija
Talbiet
—
Ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995 (1), billi adottat u żammet fis-seħħ dispożiizzjonijiet ġuridiċi li skond dawn il-prezzijiet ta' bejgħ minimi huma stabbiliti mill-Istat għas-sigaratti u għat-tabakk maqtugħ fin għas-sigaretti li jiġu rrumblati.
—
tikkundanna lir-Repubblika ta' l-Awstrija għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
It-tabakk immanifatturat jikkostitwixxi wieħed mit-tlett gruppi ta' prodotti li huma soġġetti fuq livell Komunitarju għal leġiżlazzjoni armonizzata tas-sisa. Id-Direttiva 95/59/KE fiha xi dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-tabakk immanifatturat kollu u minbarra dan tirregola l-istruttura tas-sisa applikabbli għas-sigaretti. L-Artikolu 9(1) jistabbilixxi l-prinċipju li l-manifatturi bħall-importaturi għandhom id-dritt li jiffissaw liberament il-prezzijiet massimi għat-tabakk immanifatturat. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi mhux biss li l-ammont taxxabbli huwa suġġett fl-Istati Membri kollha għall-istess prinċipji, iżda tipprovdi wkoll fl-istess ħin li l-liġiijiet ta' l-Istat dwar il-prezzijiet, li jikkawżaw ħsara lill-kompetizzjoni u lis-suq intern, jipprevjenu t-twettiq ta' l-għanijiet tad-Direttiva.
Il-leġiżlazzjoni introdotta fl-Awstrija fl-2006 li skond din il-prezzijiet minimi għas-sigaretti u tat-tabakk maqtugħ fin għas-sigaretti li jiġu rrumblati huma stabbiliti mill-awtoritajiet ta' l-Istat tmur kontra d-dispożizzjoni ċċitata iktar 'il fuq tad-Direttiva 95/59/KE. L-iffissar tal-prezzijiet minimi jelimina d-differenzi ta' prezz bejn il-prodotti differenti li jistgħu jeżistu minħabba fatturi differenti ta' formazzjoni tal-prezz, billi jitqiegħdu direttament fuq livell minimu l-prezzijiet ta' bejgħ bl-imnut sensiela ta' prezzijiet inferjuri. Tali mekkaniżmu bilfors iwassal għal distorsjonijiet fil-moviment kummerċjali bejn l-Istati Membri anki jekk il-prezz minimu, bħal fil-każ ta' l-Awstrija, huwa meħud mill-prezzijiet medji fis-suq.
Fost l-interessi li l-Istati Membri jistgħu isegwu permezz tal-politika kummerċjali u fiskali tagħhom, naturalment hemm ukoll l-interess għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Dan jinkludi wkoll l-għan li jinżammu fi prezz għoli l-prezzijiet għall-prodotti tat-tabakk. Sa fejn l-Istati Membri jistgħu madankollu jissodisfaw għal kollox dan l-għan permezz tal-mezzi fiskali, ma jkunx possibbli għalihom li jinvokaw tali interessi sabiex jidderogaw mid-dispożizjzoni in kwistjoni tad-direttiva meta dawn jikkawżaw ħsara għall-funzjonament tas-suq intern.
Skond il-Kummissjoni, it-tassazzjoni hija mezz effettiv u suffiċjenti min-naħa tal-prezzijet. L-eżempji li ġejjin minn Stati Membri oħra juru wkoll li t-tabakk immanifatturat jista jogħla permezz tal-pressjoni fiskali biss peress li l-livell ta' tassazzjoni jista' jiġi varjat iktar 'il fuq daqs kemm ikun mixtieq sabiex il-prezz finali jiġi mgħolli kemm jista' jkun, indipendentement mill-marġni ta' profitt ta' l-impriżi kkonċernati u/jew safejn dawn ikunu lesti li jbiegħu għal prezz tal-produzzjoni jew b'telf. Dan il-metodu li permezz tiegħu it-tassazzjoni taġixxi bħala fattur ta' spejjeż ta' produzzjoni oġġettiva tipprevjeni mhux biss l-effetti negattivi tal-prezzijiet minimi fuq il-kompetizzjoni u s-suq intern, iżda tipprevjeni wkoll żvantaġġ ieħor marbut mal-prezzijiet minimi, jiġifieri l-garanzija tal-marġni tal-manifatturi ta' prodotti tat-tabakk. Dan l-effett ma jikkontribwixxix għall-protezzjoni tas-saħħa u jkun pjuttost kontroproduttiv. B'hekk il-Kummissjoni hija konvinta li l-protezzjoni mixtieqa tas-saħħa pubblika tista' tiġi żgurata permezz ta' politika fiskali attiva u effettiva mingħajr ma jkun neċessarju li jsir rikors għal prezzijiet minimi li huma inkompatibbli ma' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/59/KE.
(1) ĠU 1995 L 291, p. 40.
Full & Egal Universal Law Academy