15.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 209/20
Appell ippreżentat fis-16 ta' Mejju 2008 minn American Clothing Associates SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) fit-28 ta' Frar 2008 fil-Kawża T-215/06, American Clothing Associates SA vs UASI
(Kawża C-202/08 P)
(2008/C 209/29)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: American Clothing Associates SA (rappreżentanti: P. Maeyaert, N. Clarembeaux u C. De Keersmaeker, avukati)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim'Istanza safejn iddeċidiet li l-Ewwel Bord ta' Appell ta' l-UASI ma kienx kiser l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) meta adotta d-deċiżjoni tiegħu ta' l-4 ta' Mejju 2006 (Każ R 1463/2005-1) safejn tirreferi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għal prodotti fil-klassi 18 “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali; bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaggar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta' żiemel jew ta' bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ” u 25 “Ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras”,
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqajjem aggravju wieħed in sostenn ta' l-appell tagħha, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 7(1)(h) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u 6(b)(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali ta' l-20 ta' Marzu 1883, kif riveduta u emendata (2). Dan l-aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq erba' argumenti.
Permezz ta' l-ewwel argument tagħha, l-appellanti tilmenta li s-sentenza appellata interpretat b'mod żbaljat ir-rilevanza tal-funzjoni essenzjali ta' emblema ta' Stat sabiex tevalwa l-kamp ta' applikazzjoni ta' emblema. Emblema ta' Stat tirrifletti, fil-fatt, simbolu ta' l-identità u tas-sovranità ta' Stat, magħmula skond lingwaġġ artistiku u xjenza preċiża ħafna, relatati ma' l-armi. Tkun xi tkun, ir-reġistrazzjoni ta' emblema bħala trade mark jew bħala element ta' trade mark ma tistax tiġi rrifjutata ħlief jekk tkun tippreġudika l-identità jew is-sovranità ta' Stat. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi riproduzzjoni ta' sinjal li jixbah emblema ta' Stat filwaqt, li ma tippreżenta l-ebda jew ftit mill-karatteristiċi araldiċi bħala element ta' trade mark, m'għandhiex taffetwa l-funzjoni essenzjali ta' din l-emblema.
Permezz tat-tieni argument tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li interpretat b'mod żbaljat ir-rilevanza tal-karatteristiċi araldiċi ta' emblema ta' Stat meta ddeċidiet li jista' jkun hemm diversi interpretazzjonijiet artistiċi ta' l-istess emblema, inkluża l-istess deskrizzjoni araldika. Skond l-appellanti, l-Artikolu 6(b)(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u l-kunċett ta' “imitazzjoni minn perspettiva araldika” huwa intiż fil-fatt li jipproteġi mhux tant is-simbolu bħala tali, iżda interpretazzjoni artistika preċiża ħafna jew xogħol grafiku speċifiku, li jirriżulta mill-implementazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-arti u x-xjenza araldika.
Permezz tat-tielet argument tagħha, l-appellanti tilmenta li s-sentenza appellata interpretat b'mod żbaljat il-portata tal-kunċett “imitazzjoni araldika” u, b'hekk, stabbilixxiet interpretazzjoni tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u tal-Konvenzjoni ta' Pariġi li tagħti lill-Istati kkonċernati monopolju kważi assolut fuq is-sinjali li ma jippreżentawx karatteristiċi araldiċi jew lanqas karatteristiċi araldiċi evidenti ħafna fir-rigward tar-reġistrazzjoni jew l-użu tagħhom bħala element ta' trade mark.
Permezz tar-raba' argument tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti ta' Prim'Istanza li skartat mill-bidu, bħala irrilevanti, ċerti ċirkustanzi speċifiċi għall-każ in kwistjoni, bħat-tip tal-karatteristiċi araldiċi li tagħhom hija invokata l-protezzjoni, l-impressjoni globali prodotta minn trade mark li inkludiet bħala element emblema ta' Stat jew imitazzjoni tagħha, it-tip tal-protezzjoni offruta fil-pajjiż ta' l-oriġini ta' l-emblema ta' l-Istat ikkonċernat jew il-kundizzjonijiet ta' l-użu tat-trade mark ikkonċernata.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1).
(2) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11847, p. 108.
Full & Egal Universal Law Academy