27.9.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 247/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Thüringer Oberlandesgerichts (Il-Ġermanja) fid-19 ta' Mejju 2008 — Wasser- und Abwasserzweckverband Gotha und Landkreisgemeinden (WAZV Gotha) vs Eurawasser Aufbereitungs- und Entsorgungsgesellschaft mbH
(Kawża C-206/08)
(2008/C 247/02)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Thüringer Oberlandesgerichts.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Wasser- und Abwasserzweckverband Gotha und Landkreisgemeinden (WAZV Gotha).
Konvenuta: Eurawasser Aufbereitungs- und Entsorgungsgesellschaft mbH.
Domandi preliminari
1)
Kuntratt għall-provvista ta' servizzi (hawnhekk, il-provvista ta' l-ilma u t-trattament ta' l-ilma mormi), li l-kuntenut tiegħu ma jiddisponix li l-awtorità kontraenti tagħmel ħlas ta' korrispettiv dirett lill-fornitur tas-servizz iżda li jiddisponi li l-fornitur ikollu d-dritt jiġbor ħlas ta' korrispettiv taħt id-dritt privat minn partijiet terzi, għandu jiġi kklassifikat għal din ir-raġuni biss bħala konċessjoni ta' servizz fis-sens ta' l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, li huwa distint minn kuntratt b'titolu oneruż li jirrigwarda servizzi skond l-Artikolu 1(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/17?
2)
Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, kuntratt tat-tip deskritt fl-ewwel domanda jikkostitwixxi konċessjoni ta' servizz jekk ir-riskju marbut ma' l-operat tas-servizz in kwistjoni, minħabba r-regoli ta' dritt pubbliku li jirregolawh (konnessjoni u użu obbligatorji; prezzijiet ikkalkulati fuq bażi ta' livell ta' vijabbiltà), ikun limitat b'mod sinjifikattiv mill-bidu nett — jiġifieri, anki jekk l-awtorità kontraenti kellha tipprovdi s-servizz hija nnfisha — iżda l-fornitur jieħu r-riskju limitat kollu jew mill-inqas sa punt predominanti?
3)
Jekk it-tielet domanda wkoll tingħatalha risposta negattiva, l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-grad ta' riskju konness ma' l-operat tas-servizz, b'mod partikolari r-riskju tal-kummerċjalizzazzjoni, għandu f'temini kwalitattivi jkun jista' jitqabbel ma' dak li normalment jeżisti taħt kundizzjonijiet ta' suq ħieles ma' iktar minn offerent wieħed?
(1) ĠU L 134, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy