19.7.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 183/15
Rikors ippreżentat fit-22 ta' Mejju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-219/08)
(2008/C 183/30)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u J.-P. Keppenne, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet
—
tikkonstata li billi teżiġi, f'każ ta' kollokament ta' ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz minn impriżi Komunitarji, fil-kuntest ta' provvista ta' servizzi:
a)
awtorizzazzjoni qabel l-eżerċizzju ta' l-attività ekonomika;
b)
li l-permess ta' residenza maħruġ fl-Istat fejn huwa stabbilit min iħaddem għandu jkun validu sa tliet xhur wara t-tmiem tal-provvista ta' servizzi;
ċ)
li ħaddiem għandu jkun ilu impjegat ma' l-istess persuna li tħaddem li tipprovdi servizzi ta' l-inqas għal sitt xhur;
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rekwiżiti imposti mill-konvenut f'każ ta' kollokament ta' ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz minn fornituri ta' servizzi stabbiliti fi Stat Membru barra mill-Belġju jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi filwaqt li fl-istess ħin jiddiskriminaw bejn dawn il-fornituri u l-kompetituri tagħhom stabbiliti fit-territorju Belġjan.
Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li s-sistema ta' awtorizzazzjoni qabel l-eżerċizzju ta' attività ekonomika tirrapreżenta ostakolu sproporzjonat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, dan l-ostakolu ma jistax jiġi ġġustifikat minn xi raġuni ta' interess ġenerali, u lanqas b'referenza għar-regoli tal-Ftehim ta' Schengen.
Permezz tat-tieni ilment, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura sproporzjonata tar-rekwiżit li l-permess ta' residenza maħruġ fl-Istat ta' stabbiliment ta' min iħaddem għandu jkun validu sa tliet xhur wara t-tmiem tal-provvista ta' servizzi.
Permezz tat-tielet ilment, il-Kummissjoni tenfasizza li minkejja l-emendi leġiżlattivi pożittivi magħmula mill-konvenut, il-kundizzjoni li ħaddiem għandu jkun ilu impjegat ma' l-istess persuna li tħaddem li tipprovdi servizzi ta' l-inqas għal sitt xhur tirrapreżenta restrizzjoni mhux ġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Full & Egal Universal Law Academy