30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/21
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fit-28 ta' Mejju 2008 — Colin Wolf vs Stadt Frankfurt am Main
(Kawża C-229/08)
(2008/C 223/33)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Frankfurt am Main
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Colin Wolf
Konvenut: Stadt Frankfurt am Main
Domandi preliminari
1.
Il-leġiżlatur nazzjonali għandu marġni ġenerali wiesgħa ta' diskrezzjoni u ta' organizzazzjoni sabiex juża l-possibbiltà għal manuvra fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE (1) jew din id-diskrezzjoni hija, f'kull każ, limitata għal dak li huwa neċessarju f'dak li jikkonċerna l-iffissar ta' età massima ta' reklutaġġ tal-perijodu ta' impieg minimu qabel l-irtirar skond il-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?
2.
Ir-rekwiżit ta' neċessità fil-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE jispeċifika n-natura xierqa tal-mezzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 f'termini iktar konkreti, u b'hekk jillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ġenerali?
3.
a)
Il-fatt li, permezz ta' età massima ta' reklutaġġ, dak li jħaddem isegwi l-interess tiegħu billi jimpjega uffiċjali li ser jibqgħu f'servizz attiv l-iktar żmien possibbli jikkostitwixxi għan leġittimu għal dak li jħaddem fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?
b)
Il-ksib ta' tali għan mhuwiex xieraq diġà meta dan għandu l-konsegwenza li l-uffiċjali jibqgħu fis-servizz għal iktar miż-żmien neċessarju sabiex ikollhom dritt għall-pensjoni minima ggarantita mil-liġi fil-każ ta' tluq għall-irtirar kmieni wara ħames snin ta' servizz?
ċ)
Il-ksib ta' tali għan jsir mhux xieraq biss meta dan għandu l-konsegwenza li l-uffiċjali jibqgħu fis-servizz għal iktar miż-żmien neċessarju, mill-aspett matematiku, għall-ksib tal-pensjoni minima ggarantita mill-liġi fil-każ ta' iritirar kmieni — attwalment 19,51 snin?
4.
a)
Il-fatt li, permezz ta' età massima ta' reklutaġġ l-inqas għolja possibbli, jiġi llimitat mill-iktar possibbli n-numru totali ta' impjegati li għandhom jiġu mqabbda sabiex jitnaqqsu, mill-iktar possibbli, in-numru ta' provvisti individwali bħall-assigurazzjoni għall-inċidenti jew l-assigurazzjoni kontra l-mard (allokazzjonijiet, ukoll għall-membri tal-familja) jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?
b)
F'dan ir-rigward, liema importanza għandu jingħata l-fatt li, maż-żieda fl-età, il-provvista ta' assistenza soċjali fil-każ ta' inċident jew ta' l-allokazzjonijiet fil-każ ta' mard (ukoll għall-membri tal-familja) togħla meta mqabbla ma' dik ta' l-uffiċjali li huma iżgħar, b'tali mod li, fil-każ ta' reklutaġġ ta' uffiċjali ikbar fl-età, l-ispejjeż totali relatati ma' din il-provvista jistgħu jogħlew?
ċ)
F'dan ir-rigward, għandhom ikunu disponibbli pronjosi jew statistiċi ċerti jew huma biżżejjed assunzjonijiet ġenerali bbażati fuq probabbiltà?
5.
a)
Il-fatt li min iħaddem jixtieq japplika ċerta età massima ta' reklutaġġ sabiex jiggarantixxi “struttura ta' età bbilanċjata fil-karrieri differenti” jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?
b)
Jekk ikun il-każ, liema huma r-rekwiżiti li l-kunsiderazzjonijiet rigward il-ħolqien ta' tali struttura ta' età għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jeżistu l-kundizzjonijiet ta' ġustifikazzjoni (natura xierqa u neċessarja)?
6.
Fir-rigward ta' l-età massima ta' reklutaġġ, il-fatt li min iħaddem jindika li huwa ġeneralment possibbli li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi ta' reklutaġġ għal taħriġ fis-servizzi intermedjarji tal-pompieri, jiġifieri taħriġ skolastiku korrispondenti u taħriġ professjonali, sa meta din l-età tintlaħaq, jikkostitwixxi kunsiderazzjoni leġittima fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?
7.
Liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk perijodu minimu ta' impjieg qabel l-irtirar huwiex xieraq jew neċessarju?
a)
Il-ħtieġa ta' perijodu minimu ta' impjieg tista' tiġi ġġustifikata eklużivament inkwantu kumpens għall-ksib ta' kwalifika mingħand min iħaddem, iffinanzjata esklużivament min dan ta' l-aħħar (kwalifika għall-karriera tas-servizzi intermedjarji tal-pompieri) sabiex tiggarantixxi perijodu sussegwenti xieraq għand dak li jħaddem, fid-dawl ta' din il-kwalifika, b'tali mod li l-ispejjeż ta' taħriġ jkunu b'hekk imroddha lura gradwalment mill-uffiċjal?
b)
Kemm huwa t-tul taż-żmien massimu tal-perijodu ta' impjieg wara l-perijodu ta' taħriġ? Jista' jaqbeż il-ħames snin u, jekk iva, f'liema ċirkustanzi?
ċ)
Indipendentement mir-risposta għad-domanda 7(a), in-natura xierqa jew neċessarja ta' perijodu massimu ta' impjieg tista' tiġi ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li, għall-uffiċjali li l-irtirar tagħhom huwa ffinanzjat esklużivament minn min iħaddem, il-perijodu previdibbli ta' impjieg attiv bejn id-data tar-reklutaġġ u d-data probabbli ta' rtirar għandu jkun biżżejjed biex jiggarantixxi l-kisba tal-pensjoni minima ggarantita mil-liġi li hija bħalissa matematikament miksuba wara perijodu ta' impjieg ta' 19,51 snin?
d)
Bil-kontra, skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78?KE, ir-rifjut ta' reklutaġġ huwa ġġustifikat biss meta l-persuna kkonċernata hija rreklutata f'età li twassal, fid-dawl tad-data probabbli ta' irtirar, għall-ħlas tal-pensjoni minima għalkemm din ma tkunx inkisbet mill-aspett matematiku?
8.
a)
Għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta' rtirar fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt (c) ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu wieħed japplika l-limitu ta' età ffissat mil-liġi għall-irtirar mal-ġbir sussegwenti ta' pensjoni jew għandu wieħed jibbaża ruħu fuq l-età medja ta' rtirar ta' kategorija professjonali jew ta' uffiċjali speċifika?
b)
Jekk ikun il-każ, safejn għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, għal ċerti uffiċjali, l-irtirar normali jista' jiġi pospost għal tul ta' żmien li jista' jilħaq sentejn? Dan il-fatt iwassal għal żieda korrispondenti fl-età massima ta' reklutaġġ?
9.
Għall-kalkolu tal-perijodu ta' impieg minimu fil-kuntest ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, il-formazzjoni [taħriġ] li għandha, qabel kollox, titlesta fil-kuntest tax-xogħol ta' uffiċjal, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni? F'dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk it-tul taż-żmien tal-formazzjoni għandux jittieħed kollu kemm hu in kunsiderazzjoni bħala perijodu ta' impjieg li jagħti d-dritt għall-pensjoni jew jekk dan il-perijodu ta' formazzjoni għandux jitnaqqas mill-perijodu ta' impjieg minimu li min iħaddem jista' jeżiġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt (c) ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE hija importanti?
10.
Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 15(1) u ta' l-Artikolu 15(3) tal-liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali huma kompatibbli ma' l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78/KE?
(1) ĠU 2000 L 303, p. 16.
Full & Egal Universal Law Academy