30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/22
Appell ippreżentat fid-29 ta' Mejju 2008 minn Masssimo Giannini mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) fit-12 ta' Marzu 2008 fil-kawża T-100/04 (Massimo Giannini vs Il-Kummissjoni)
(Kawża C-231/08 P)
(2008/C 223/34)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Masssimo Giannini (rappreżentanti: L. Levi u C. Ronzi, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet ta' l-appellant
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Marzu 2008 fil-kawża T-100/04;
—
konsegwentement, tilqa' t-talbiet ta' l-appellant imressqa fl-ewwel istanza u, għalhekk,
—
tannulla d-deċiżjoni tal-bord ta' l-għażla tal-kompetizzjoni COM/A./9/01 li l-isem tar-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta' riżerva ta' din il-kompetizzjoni, liema deċiżjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrent b'ittra tal-11 ta' Ġunju 2003, kif ukoll, jekk ikun hemm bżonn, tannulla d-deċiżjoni li tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid ippreżentata mir-rikorrent, liema deċiżjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrent b'ittra tat-8 ta' Lulju 2003, u tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tar-rikorrent, liema deċiżjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrent b'ittra tat-2 ta' Diċembru 2003;
—
tagħti kumpens għad-danni materjali, li għandhom jiġu valutati, minn naħa, fl-ammont tad-differenza bejn il-benefiċċju tal-qgħad irċevut wara t-tmiem tal-kuntratt bħala aġent temporanju u s-salarju ta' uffiċjal fil-grad A 7/4 u, min-naħa l-oħra, wara l-perijodu ta' qgħad, fl-ammont tar-remunerazzjoni ta' uffiċjal fil-grad A 7/5, u għad-danni morali sostnuti, li għandhom jiġu valutati fl-ammont ta' 1 euro;
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kollha ta' l-ewwel istanza u ta' l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka essenzjalment tliet aggravji prinċipali in sostenn ta' l-appell tiegħu.
Permezz ta' l-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant l-ewwel nett jakkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li kisret id-dritt għal smigħ xieraq u, b'mod iktar partikolari, id-dritt li l-kawża tiegħu tinstema' fi żmien raġonevoli. Fil-fatt għaddew erba' snin bejn id-data meta tressqet il-kawża fil-Qorti tal-Prim'Istanza u l-għoti tas-sentenza appellata. Issa, skond l-appellant, l-ebda ċirkostanza eċċezzjonali ma tiġġustifika dewmien bħal dan f'dan il-każ. Il-proċess ta' din il-kawża ma kienx partikolarment voluminuż, u l-kawża ma kinitx ġuridikament kumplessa u l-proċeduri kellhom rilevanza konsiderevoli għall-appellant.
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jisħaq li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikoli 4, 27, u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal u kisret kemm il-kunċett ta' l-interess tas-servizz kif ukoll l-obbligu ta' premura li għandhom l-istituzzjonijiet Komunitarji fil-konfront ta' l-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tagħhom. Skond l-appellant, il-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan ir-rigward fixklet id-dħul fis-servizz pubbliku Komunitarju, permezz ta' kompetizzjoni ġenerali intiża sabiex tinħoloq lista ta' riżerva għar-reklutaġġ, mal-prosegwiment tal-karriera ta' persuni diġà rreklutati permezz tal-mekkaniżmi ta' trasferimenti u promozzjonijiet previsti fir-Regolamenti.
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant fl-aħħar nett jinvoka ksur, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni tas-sentenzi u tal-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u ta' l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll żnaturament ta' l-elementi ta' prova miġjuba għall-evalwazzjoni tagħha. Dan l-aħħar aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.
Permezz ta' l-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret kemm il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta' motivazzjoni li għandha u r-regoli ta' l-amministrazzjoni tal-provi billi kkonkludiet li l-għarfien, minn ċerti kandidati għall-kompetizzjoni, tad-dokument li fuqu kien ibbażat l-eżami bil-miktub ma kienx jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u billi ma talbitx lill-appellata ġġib provi konkreti tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni relatata ma' din iċ-ċirkustanza.
Permezz tat-tieni parti ta' dan l-istess aggravju, l-appellant isostni li sar ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u li l-elementi ta' prova miġjuba għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ġew żnaturati minħabba li din ta' l-aħħar ikkunsidrat li l-kompożizzjoni tal-bord ta' l-għażla kienet suffiċjentement ekwilibrata sabiex tassigura l-paragun u l-evalwazzjoni oġġettiva tal-kandidati, meta għall-kuntrarju l-elementi tal-proċess juru n-nuqqas ta' ekwilibriju suffiċjenti fil-kompożizzjoni tal-bord ta' l-għażla u li diversi elementi ta' informazzjoni fattwali essenzjali ma ġewx ikkomunikati lill-Qorti tal-Prim'Istanza mill-appellata.
Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet parti ta' dan l-aggravju, l-appellant jinvoka ksur ġdid tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u tar-regoli ta' l-amministrazzjoni tal-provi, kif ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża, relatati mal-konklużjonijiet miġbuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza rigward l-imparzjalità tal-membri tal-bord ta' l-għażla.
Full & Egal Universal Law Academy