30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/23
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Ried im Innkreis (L-Awstrija) fit-2 ta' Ġunju 2008 — Proċeduri kriminali kontra Roland Langer
(Kawża C-235/08)
(2008/C 223/35)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landesgericht Ried im Innkreis
Parti fil-kawża prinċipali
Roland Langer
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 43 (Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fil-verżjoni tiegħu tat-2 ta' Ottubru 1997, emendat l-aħħar bit-Trattat ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fil-25 ta' April 2005, ĠU L 157, p. 11) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali ta' Stat Membru li tirriżerva l-logħob ta' l-ażżard fl-istabbilimenti tal-logħob esklużivament għall-kumpanniji, imwaqqfa bħala kumpanniji b'responsabbiltà limitata, li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta' dan l-Istat Membru u li għaldaqstant timponi t-twaqqif jew l-akkwist ta' tali kumpannija f'dan l-Istat Membru?
2)
L-Artikoli 43 u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu kull monopolju nazzjonali ta' ċertu logħob ta' l-ażżard, bħala l-logħob ta' l-ażżard ipprattikat fl-istabbilimenti tal-logħob, meta l-Istat Membru kkonċernat m'għandux politika koerenti u sistematika ta' restrizzjoni tal-logħob ta' l-ażżard peress li l-organizzaturi nazzjonali li għandhom liċenzja jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fil-logħob ta' l-ażżard — u jagħmlu reklami f'dan is-sens fuq it-televiżjoni, fil-gazzetti u fir-rivisti, reklami li anki joffru somom ta' flus kontanti għal biljett tal-lottu ftit qabel ma jittella' l-lottu stess (“TOI TOI TOI — Glaub' ans Glück”) (“Nawgurawlek ix-xorti t-tajba — Emmen fix-xorti”)?
3)
L-Artikoli 43 u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-liċenzji kollha li jawtorizzaw il-logħob ta' l-ażżard u t-twaqqif ta' stabbilimenti tal-logħob, previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob ta' l-ażżard, jinħarġu għal perijodu ta' 15-il sena abbażi ta' leġiżlazzjoni li teskludi mis-sejħa għal offerti l-kandidati Komunitarji (li m'għandhomx in-nazzjonalità ta' dan l-Istat Membru)?
Full & Egal Universal Law Academy