15.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 209/27
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fit-3 ta' Ġunju 2008 — Google France vs CNRRH, Pierre-Alexis Thonet, Bruno Raboin, Tiger, franchisee ta' “Unicis”
(Kawża C-238/08)
(2008/C 209/41)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour de cassation (chambre commerciale, financière et économique)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Google France.
Konvenuti: CNRRH, Pierre-Alexis Thonet, Bruno Raboin, Tiger, franchisee ta' “Unicis”
Domandi preliminari
1)
Ir-riżerva minn operatur ekonomiku, permezz ta' kuntratt ta' referenzar bi ħlas fuq l-Internet, ta' kelma ewlenija li twassal, fil-każ ta' talba li tuża din il-kelma, għall-wiri ta' link li jipproponi l-konnessjoni ma' sit operat minn dan l-operatur sabiex joffri prodotti jew servizzi għall-bejgħ ta' prodotti jew servizzi, u li tipproduċi jew timita trade mark irreġistrata minn terza persuna sabiex tindika prodotti identiċi jew li jixxiebhu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju ta' din it-trade mark, tikkostitwixxi fiha nfisha ksur tad-dritt esklużiv iggarantit lil dan ta' l-aħħar mill-Artikolu 5 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 (1)?
2)
L-Artikolu 5(1)(a) u (b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks għandu jiġu interpretati fis-sens li l-fornitur ta' servizz ta' referenzar bi ħlas li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' min jirreklama kliem ewlieni li jirriproduċi jew jimita trade marks irreġistrati, u jorganizza, permezz tal-kuntratt ta' referenzar, il-ħolqien u l-wiri privileġġat, fuq il-bażi ta' dan il-kliem ewlieni, ta' links pubbliċitarji għal siti li fuqhom huma proposti prodotti identiċi għal jew li jixbhu lil dawk koperti bir-reġistrazzjoni ta' trade marks, ikun qed jagħmel użu minn dawn it-trade marks li l-proprjetarju tagħhom huwa intitolat li jipprojbixxi?
3)
F'każ li tali użu ma jikkostitwixxix użu li jista' jiġi pprojbit mill-proprejatarju tat-trade mark, b'applikazzjoni tad-direttiva u tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja] (2), il-fornitur ta' servizz ta' referenzar bi ħlas jista' jiġi kkunsidrat li qed jipprovdi servizz tas-soċjetà ta' l-informazzjoni li jikkonsisti fiż-żamma ta' informazzjoni pprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, fis-sens ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tat-8 ta' Ġunju 2000 (3), b'mod li ma jistax jitqies responsabbli qabel ma jiġi informat mill-proprjetarju tat-trade mark bl-użu illegali tas-sinjal minn min jirreklama?
(1) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1999, biex jiġu appossimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1).
(2) ĠU 1994, L 11, p. 1.
(3) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy