15.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 209/30
Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropeja vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-249/08)
(2008/C 209/45)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropeja (rappreżentanti: K. Banks u C. Cattabriga, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tar-rikorrenti
—
Tiddikjara li r-Repubblika Taljana
—
peress li naqset milli tikkontrolla, tispezzjona u tissorvelja b'mod xieraq, fit-territorju tagħha u fl-ibħra suġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħha, l-attivitajiet tas-sajd, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żamma abbord u l-użu ta' pariti, u
—
peress li ma pprovdietx, b'mod suffiċjenti, għall-adozzjoni ta' miżuri xierqa fil-konfront tal-persuni responsabbli mill-ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam taż-żamma abbord u l-użu tal-pariti, b'mod partikolari permezz ta' l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet intiżi sabiex jiddiswadu fil-konfront tal-persuni msemmija iktar 'il fuq,
naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2241/87 (1), u skond l-Artikoli 2(1) u 31 (1) u (2) tar-Regolament (KEE) 2847/93 (2);
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
B'effett minn meta daħlet fis-seħħ fl-1992, il-projbizzjoni taż-żamma abbord u ta' l-użu ta' pariti ta' tul ta' iktar minn 2.5 KM u, b'effett mill-2001, ta' pariti ta' kwalsiasi tul, ġiet sistematikament u ampjament miksura mill-flotta tas-sajd Taljana.
2.
Skond il-Kummissjoni, il-firxa u l-gravità ta' dan l-aġir huma direttament imputabbli għall-ineffiċjenza tas-sistema Taljana ta' kontroll ta' l-osservanza ta' din il-projbizzjoni u għas-sanzjonijiet inadegwati li s-sistema Taljana tipprovdi għal ksur ta' din il-projbizzjoni.
3.
F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-kompitu ta' sorveljanza ta' l-użu tal-pariti huwa żvolt minn diversi strutturi f'kompetizzjoni bejniethom, li dan l-inkarigu huwa sekondarju meta pparagunat mal-kompiti l-oħra li dawn għanhom u li mhemm l-ebda koordinazzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' riżorsi umani, ta' ħin u ta' mezzi neċessarji jipprekludihom ukoll milli jwettqu kontroll effikaċi.
4.
Hemm ukoll nuqqas ta' programmazzjoni xierqa u ta' pjanifikazzjoni strateġika ta' l-attivitajiet ta' kontroll ta' l-użu tal-pariti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-attivitajiet ta' kontroll għandhom ikunu pprogrammati bir-reqqa skond fatturi ta' riskju speċifiċi u għandhom ikunu jsegwu strateġija kompluta, integrata u razzjonali. Barra minn dan hemm lok li dawn ikunu prinċipalment ikkonċentrati fuq ċerti perijodi tas-sena u f'reġjuni u postijiet ta' kontroll speċifiċi ħafna. Madankollu, xejn minn dan kollu mhuwa implimentat mill-awtoritajiet Taljani.
5.
Barra minn dan, l-awtoritajiet inkarigati mill-kontroll ta' l-użu tax-xbieki msemmija spadara m'għandhomx aċċess għall-informazzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd miġbura permezz ta' sistema ta' lokalizzazzjoni bis-satellita ta' bastimenti tas-sajd Komunitarji, stabbilita permezz ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2847/93. Barra minn dan minn investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni jirriżulta li numru pjuttost għoli ta' bastimenti tas-sajd għadhom mhumiex ekwipaġġati bl-istrumenti ta' lokalizzazzjoni bis-satellita li huma meħtieġa għall-funzjonament tas-sistema. F'dak li jirrigwarda il-ġbir u l-kompjuterizzazzjoni tal-ġurnal ta' abbord, tad-dikjarazzjonijiet ta' żbark u tan-noti ta' bejgħ pprovduti mir-Regolament Nru 2847/93 u, a fortiori, il-kontroanaliżi ta' din id-data ma l-informazzjoni miġbura mis-sistema ta' lokalizzazjoni bis-sattelita, dawn għadhom lura ħafna milli jkunu effettivi.
6.
Jekk, minn naħa, il-kontroll ta' l-użu ta' l-ispadare min-naħa ta' l-awtoritajiet Taljani huwa kompletament insuffiċjenti, min-naħa l-oħra, lanqas mhija iktar effikaċi r-repressjoni tal-ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirrigwardaw iż-żamma abbord u l-użu ta' dawn ix-xbieki.
7.
F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett li, bi ksur ta' l-Artikolu 9a tar-Regolament Nru 3094/86 (3), u tad-dispożizjonijiet li suċċessivament irriproduċew u ampjaw il-kontenut tiegħu, il-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam ta' sanzjonijiet, essenzjalment, tiprojbixxi biss l-użu jew l-attentat ta' użu tal-pariti iżda mhux is-sempliċi żamma abbord.
8.
It-tieni nett, fil-każ fejn jiġi effettivament ikkonstatat ksur tal-projbizzjoni ta' l-użu tal-pariti, l-awtoritajiet ta' kontroll lokali ma jinnotifikawx regolarment dan il-ksur lill-awtoritajiet kompetenti, prinċipalment minħabba pressjoni soċjali u, barra minn dan, tali ksur ma jiġix effettivament ippersegwit u ssanzjonat. Fil-fatt, kemm in-numru u kif ukoll l-ammont tas-sanzjonijiet imposti huma redikoli.
9.
Il-Kummissjoni ssostni li, għaldaqstant, huwa ampjament stabbilit li s-sistema ta' kontroll u ta' sanzjoni implimentata fl-Italja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-pariti mhijiex suffiċjenti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta' l-obbligi li l-Artikoli 1(1) u 2(1) tar-Regolament Nru 2241/87 u l-Artikolu 31 (1) u (2) tar-Regolament Nru 2847/93 jimponu fuq l-Istati Membri.
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2241/87 tat-23 ta' Lulju 1987, li jistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll għall-attivitajiet tas-sajd (ĠU L 207, 29.7.1987, p. 1.
(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) 2847/93, tat-12 ta' Ottubru 1993, li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni; (ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3094/86 tas-7 ta' Ottubru 1986 li jippreskrivi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd (ĠU L 288, 11.10.1986, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy