2.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 197/15
Rikors ippreżentat fit-12 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Malta
(Kawża C-252/08)
(2008/C 197/26)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: L. Flynn u A. Alcover San Pedro, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta' Malta
Talbiet
—
tiddikjara li, billi ma applikatx b'mod korrett id-Direttiva 2001/80/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2001 L 309, p. 1), (iktar 'il quddiem id-“Direttiva”) fir-rigward tat-tħaddim ta' l-impjant ta' l-istim Phase One taċ-ċentrali elettrika ta' Delimara u taċ-ċentrali elettrika fil-Marsa, ir-Repubblika ta' Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) flimkien ma' l-Anness IV A, l-Anness VI A u l-Anness VII A, u taħt l-Artikolu 12 flimkien ma' l-Anness VIII A.2 ta' din id-direttiva;
—
tikkundanna lir-Repubblika ta' Malta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li l-impjant ta' l-istim Phase One taċ-ċentrali elettrika ta' Delimara ma josservax il-valuri limitu ta' emissjoni stabbiliti bid-direttiva għall-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u trab.
Hija ssostni wkoll li, fir-rigward kemm ta' l-impjant ta' l-istim Phase One taċ-ċentrali elettrika ta' Delimara kif ukoll taċ-ċentrali elettrika fil-Marsa, Malta naqset milli tikkonforma ruħha mal-ħtieġa ta' kejl kontinwu ta' konċentrazzjonijiet ta' diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u trab skond l-Artikolu 12 u l-paragrafu 2 tal-Parti A ta' l-Anness VIII tad-direttiva.
(1) ĠU 2001 L 309, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy