27.9.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 247/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie van België fid-19 ta' Ġunju 2008 — Belgische Staat vs Direct Parcel Distribution Belgium NV
(Kawża C-264/08)
(2008/C 247/05)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hof van Cassatie van België
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Belgische Staat
Konvenuta: Direct Parcel Distribution Belgium NV
Domandi preliminari
1.
Id-dħul fil-kontijiet stabbilit fl-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1) huwa l-istess dħul fil-kontijiet imsemmi fl-Artikolu 217 ta' l-istess Kodiċi, li jipprovdi li kull ammont għandu jiddaħħal mill-awtoritajiet doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti?
2.
Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fil-pożittiv, x'tifsira għandha tingħata lid-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità li tgħid li l-ammont għandu “jiddaħħal mill-awtoritajiet doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti”? Eżiġenzi minimi determinati, ta' natura teknika jew formali, huma inklużi fih, jew l-Artikolu 217 iħalli totalment f'idejn l-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu regoli dettaljati fir-rigward tal-prattika tad-dħul fil-kontijiet ta' l-ammonti ta' dazju, mingħajr ma jimponi l-ebda ħtieġa minima għalihom? Dan id-dħul fil-kontijiet għandu jkun distint mill-ammont tad-dazji fil-konstatazzjoni tal-kontijiet għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (2), tat-22 ta' Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet?
3.
L-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dazji skond il-proċeduri li jkunu xierqa m'għandhiex titqies bħala l-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont tad-dazji skond l-imsemmi Artikolu 221(1) ħlief jekk l-ammont tad-dazji ttieħed in kunsiderazzjoni qabel ma ġie kkomunikat lid-debitur? Barra minn hekk, x'għandu jinftiehem bil-kliem “skond il-proċeduri li jkunu xierqa” ta' l-Artikolu 221(1)?
4.
Jekk għandha tingħata risposta fil-pożittiv għat-tielet domanda, tista' teżisti preżunzjoni, favur l-Istat, li tgħid li d-dħul fil-kontijiet ta' l-ammont tad-dazji sar qabel il-komunikazzjoni ta' dan l-ammont lid-debitur? Il-qorti nazzjonali tista' tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ta' verità relatata mad-dikjarazzjoni ta' l-awtoritajiet doganali li tgħid li l-ammont tad-dazji ttieħed in kunsiderazzjoni qabel il-komunikazzjoni ta' dan l-ammont lid-debitur, jew l-imsemmija awtoritajiet għandhom, b'mod sistematiku, jippreżentaw quddiem il-qorti nazzjonali, il-provi bil-miktub tad-dħul fil-kontijiet ta' l-ammont tad-dazji?
5.
Id-dħul fil-kontijiet ta' l-ammont tad-dazji qabel il-komunikazzjoni ta' dan l-ammont lid-debitur, kif mitlub mill-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jsir taħt piena ta' nullità jew ta' projbizzjoni tad-dritt li jinġabar jew li jiġi rkuprat id-dejn doganali? Fi kliem ieħor, l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-ammont tad-dazji ġie kkomunikat lid-debitur skond proċeduri xierqa mill-awtoritajiet doganali, iżda l-imsemmi ammont tad-dazji, qabel il-komunikazzjoni tiegħu lid-debitur, ma ttieħedx in kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet doganali, dan l-istess ammont ma jistax jinġabar iktar, bil-konsegwenza li l-awtoritajiet doganali, sabiex ikunu jistgħu jiġbru l-ammont in kwistjoni, ikollhom jikkomunikaw dan l-ammont skond proċeduri xierqa lid-debitur wara li dan l-ammont ta' dazji jkun ittieħed in kunsiderazzjoni u kemm il-darba dan id-dħul fil-kontijiet isir fit-terminu ta' preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità?
6.
Jekk għandha tingħata risposta fil-pożittiv għall-ħames domanda, x'inhi l-konsegwenza tal-ħlas mid-debitur ta' l-ammont tad-dazji li ġie kkomunikat lilu mingħajr ma jkun iddaħħal fil-kontijiet minn qabel? Dan il-ħlas għandu jitqies bħala ħlas mhux dovut li jista' jirkupra mingħand l-Istat?
(1) ĠU 1992 L 302, p. 1.
(2) ĠU 2000 L 130, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy