13.9.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 236/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (l-Italja) fid-19 ta' Ġunju 2008 — Federutility et vs Autorità per l'Energia Elettrica e il Gas
(Kawża C-265/08)
(2008/C 236/09)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (l-Italja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Federutility, Assogas, Libarna Gas spa, Collino Commercio spa, Sadori gas spa, Egea Commerciale, E.On Vendita srl, Sorgenia spa
Konvenuta: Autorità per l'Energia Elettrica e il Gas
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/55/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 2003, li tirregola l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass, għandu jiġi interpretat, b'mod konformi mal-prinċipji stabbiliti mit-Trattat KE, fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali (u l-atti għall-applikazzjoni tagħha li jirriżultaw minnha) li wara l-1 ta' Lulju 2007, bi ksur ta' din id-dispożizzjoni u l-prinċipji Komunitarji, tħalli lill-awtorità regolatorja nazzjonali s-setgħa li tistabbilixxi l-prezzijiet ta' referenza tal-provvista ta' gass naturali lill-klijenti domestiċi (kategorija mhux determinata u mhux definita fil-livelli ta' referenza li ma timplikax, fiha nnifisha, l-evalwazzjoni ta' sitwazzjonijiet partikolari ta' bżonn soċjo-ekonomiku li jista' jiġġustifika d-definizzjoni ta' l-imsemmija prezzijiet ta' referenza), liema prezzijiet l-impriżi tad-distribuzzjoni jew tal-bejgħ huma marbuta li jinkludu fost l-offerti kummerċjali tagħhom fil-kuntest ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku tagħhom?
2)
Din id-dispożizzjoni (l-imsemmi Artikolu 23) għandha tiġi interpretata flimkien ma' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/55/KE (li fil-paragrafu (2) jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, fl-interess ekonomiku ġenerali, jimponu obbligi relatati mas-servizz pubbliku fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass dwar, bħal f'dan il-każ, il-prezz tal-provvista) fis-sens li tali dispożizzjonijiet Komunitarji ma jipprekludux liġi nazzjonali li, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, li għadu kkaratterizzat min-nuqqas ta' kundizzjonijiet ta' “kompetizzjoni effettiva”, almenu fis-settur tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa, tippermetti d-determinazzjoni mill-amministrazzjoni tal-prezz ta' referenza tal-gass naturali, li għandu jintwera b'mod obbligatorju fost l-offerti kummerċjali ta' kull wieħed mill-bejjiegħa lill-klijenti domestiċi tiegħu fil-kuntest tal-kunċett ta' servizz universali, għalkemm il-klijenti kollha għandhom jitqiesu bħal “ħielsa”?
(1) ĠU L 176, p. 57.
Full & Egal Universal Law Academy