15.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 209/36
Rikors ippreżentat fil-25 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
(Kawża C-273/08)
(2008/C 209/55)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Rozet u A.Alcover San Pedro, aġenti)
Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
Talbiet
—
tikkonstata li, peress li la kkomunika lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-programmi tiegħu għat-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali tad-dijossidu tal-kubrit (SO2), ta' l-ossidi nitroġeni (NOx), ta' komposti organiċi volatili (VOC) u ta' l-ammonja (NH3), la l-inventarji nazzjonali ta' l-emissjonijiet tiegħu ta' SO2, NOx, VOC u NH3, u lanqas il-projettazzjonijiet annwali tiegħu ta' SO2, NOx, VOC u NH3 għas-sena 2010, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 6(1), (2) u (3), 7 (1) u (2) u 8 (1) u (2) tad-Direttiva Nru 2001/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2001, dwar il-livelli nazzjonali massimi ta' l-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (1)
—
tikkundanna lil Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kkomunikax fit-termini stabbiliti permezz tad-Direttiva Nru 2001/81/KE tliet tipi ta' dokumenti dwar l-iffissar ta' livelli nazzjonali massimi ta' emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit (SO2), ta' l-ossidi nitroġeni (NOx), ta' komposti organiċi volatili (VOC) u ta' l-ammonja (NH3).
Fl-ewwel lok, il-konvenut naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, skond l-Artikolu 6(1), (2) u (3) tad-Direttiva, li jiddisinja programmi għat-tnaqqis progressiv ta' l-emissjonijiet nazzjonali ta' l-inkwinanti hawn fuq imsemmija.
Fit-tieni u fit-tielet lok, huwa ma rrispettax, għall-istess inkwinanti, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1) u (2) f'dak li jirrigwarda l-preparazzjoni u l-aġġornament annwali ta' inventarji nazzjonali ta' emissjonijonijiet u projettazzjonijiet nazzjonali għas-sena 2010.
Finalment, huwa naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika dawn it-tliet tipi ta' dokumenti lill-Kummissjoni fit-termini stabbiliti permezz ta' l-Artikolu 8(1) u (2) tad-direttiva.
(1) ĠU L 309, p. 22.
Full & Egal Universal Law Academy