30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/30
Appell ippreżentat fil-25 ta' Ġunju 2008 mill-Kummissjoni tal Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) fl-10 ta' April 2008 fil-kawża T-233/04, Ir-Renju ta' l-Olanda, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni tal Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-279/08 P)
(2008/C 223/47)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: H. van Vliet, K. Gross u C. Urraca Gaviedes, aġenti)
Appellati: Ir-Renju ta' l-Olanda, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet ta' l-appellanti
—
Prinċipalment:
a)
tannulla s-sentenza appellata;
b)
tiddikjara r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inammissibbli; u
c)
tikkundanna lir-Renju ta' l-Olanda għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;
—
Sussidjarjament:
a)
tannulla s-sentenza appellata;
b)
tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni;
c)
tikkundanna lir-Renju ta' l-Olanda għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
—
L-ewwel aggravju mressaq mill-Kummissjoni huwa intiż sabiex juri li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta ddikjarat ir-rikors ippreżentat mill-Olanda ammissibbli.
Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b'mod partikolari mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-164/02, jirriżulta li Stat Membru ma jistax jitlob l-annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li fiha din ta' l-aħħar tiddikjara li miżura ta' għajnuna nnotifikata mill-imsemmi Stat Membru hija kompatibbli mas-suq komuni.
—
It-tieni aggravju (b'mod sussidjarju) jirrigwarda l-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kkonkludiet li l-miżura kkontestata ma kinitx selettiva, jiġifieri li ma kinitx tiffavorixxi ċerti impriżi fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kkonkludiet li, anki jekk il-miżura tkun selettiva, din madankollu ma tikkostitwixxix miżura ta' għajnuna fid-dawl ta' l-iskop tagħha u minħabba li din il-miżura tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema.
Full & Egal Universal Law Academy