11.10.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 260/5
Appell ippreżentat fis-27 ta' Ġunju 2008 mil-Landtag Schleswig-Holstein mid-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) mogħti fit-3 ta' April 2008 fil-Kawża T-236/06, Landtag Schleswig-Holstein vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-281/08 P)
(2008/C 260/06)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Landtag Schleswig-Holstein (rappreżentanti: S. Laskowski, għalliem privat, u J. Caspar, professur)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet ta' l-appellant
—
L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' April 2008;
—
tilqa' t-talbiet magħmula mill-appellant fl-ewwel istanza u tiddikjara ammissibbli u fondat ir-rikors fil-kawża T-236/06;
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex din tiddikjara bħala ammissibbli r-rikors oriġinali u tkompli l-proċediment;
—
tiddeċiedi fuq l-ispejjeż u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta' dan il-proċediment.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat bħala inammissibbli r-rikors għal annullament propost mir-rikorrent kontra l-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea, minħabba li r-rikorrent ma kienx persuna legali skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230, KE. Ir-rikors għal annullament kien kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Marzu u tat-23 ta' Ġunju 2006, li ċaħdu lir-rikorrent l-aċċess għad-dokument SEC(2005) 420, li jinkludi evalwazzjoni ġuridika ta' l-abbozz ta' deċiżjoni qafas diskuss fil-Kunsill, dwar id-data maħżuna għall-finijiet tal-prevenzjoni, ta' l-investigazzjoni, tas-sejbien, tal-prosekuzzjoni ta' delitti u ta' ksur kriminali, inkluż it-terroriżmu.
L-appellant jibbaża l-appell tiegħu mid-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq żewġ aggravji.
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju ta' dritt għal smigħ xieraq. Dan il-prinċipju, bħala espressjoni tal-garanzija ta' proċess ekwu u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu l-għan, fost l-oħrajn, li jimpedixxi li d-deċiżjoni ġudizzjarja tiġi influwenzata minn argument li l-partijiet ma setgħux jiddiskutu bejniethom. Dan il-prinċipju għalhekk huwa intiż sabiex jevita “deċiżjoni b'sorpriża”. Sabiex tiġi evitata deċiżjoni b'sorpriża, il-Qorti tal-Prim'Istanza messha tat lir-rikorrent l-opportunità li jagħmel kjarifika.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-dritt Komunitarju, billi interpretat b'mod żbaljat il-kunċett ta' “persuna legali” skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE u billi ċaħdet b'mod illeġittimu l-kwalità ta' persuna legali tar-rikorrenti, kif ukoll, konsegwentement, il-locus standi in judicio.
Il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq il-premessa li l-President tal-Landtag Schleswig-Holstein, bis-setgħa tiegħu ta' rappreżentanza fi proċedimenti legali, ma jirrapreżentax lir-rikorrent, iżda “direttament lil Land”, u għalhekk ir-rikorrent m'għandux kapaċità legali u konsegwentement lanqas il-locus standi in judicio quddiem il-qrati Komunitarji. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet tiddikjara r-rikors ammissibbli li kieku r-rikors oriġinali stess kien fih il-kliem “Land Schleswig-Holstein” minflok dak li bih ġie indikat ir-rikorrent. Tali orjentament mhux biss huwa ġudizzjarjament żbaljat, in kwantu jmur kontra l-Kostituzzjoni tal-Land Schleswig-Holstein, iżda mill-perspettiva tar-rikorrent jikkostitwixxi wkoll deċiżjoni b'sorpriża, li huwa ma kienx marbut li jistenna. Id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa illeġittimu fl-ewwel lok peress li ma rrikonoxxiex li l-Landtag, skond il-Kostituzzjoni tal-Land Schleswig-Holstein, huwa “il-korp suprem tal-formazzjoni tar-rieda politika eletta mill-poplu”, u fit-tieni lok, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrikonoxxietx li l-President tal-Landtag jirrappreżenta l-Landtag kollu kemm hu fil-kamp tal-kawżi ta' dritt Kostituzzjonali li jirrigwardawh. Il-kunċett ta' “Land” huwa użat fis-sens wiesa' legalment u — skond il-kuntest ġuridiku — jista' jirreferi kemm għall-gvern tal-Land, kif ukoll għall-Parlament tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy