30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/35
Rikors ippreżentat fit-3 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-297/08)
(2008/C 223/55)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Zadra, D. Recchia u J.-B. Laignelot, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tal-parti rikorrenti
—
tikkonstata li r-Repubblika Taljana, billi ma adottatx, b'riferiment għar-Reġjun tal-Campania, il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura li l-iskart jinġabar jew jiġi pproċessat mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent, u b'mod partikolari billi ma stabilixxitx qafas adegwat jew integrat ta' impjanti ta' pproċessar naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-iskart;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni, permezz tal-preżenti rikors, tfittex li tikseb il-kundanna tar-Repubblika Taljana talli ma ħolqitx, fir-reġjuni tal-Campania, qafas integrat ta' impjanti ta' pproċessar adegwati sabiex jippermettu l-awtosuffiċjenza fil-qasam ta' l-ipproċessar ta' l-iskart, ibbażata fuq il-kriterju tal-prossimità. In-nuqqas ikkontestat huwa sors, kif irrikonoxxut mill-istess awtoritajiet Taljani fil-komunikazzjonijiet uffiċjali, ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u għaldaqstant jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE.
(1) ĠU L 114, p. 9.
Full & Egal Universal Law Academy