27.9.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 247/7
Rikors ippreżentat fil-11 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-309/08)
(2008/C 247/12)
Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Nijenhuis u K. Mojzesowicz, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
—
tiddikjara li, billi ma żguratx implementazzjoni adegwata fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (1), u b'mod partikolari ta' l-Artikolu 3(2) u (3) dwar ir-rekwiżiti li awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkunu indipendenti u li huma jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt din id-Direttiva;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Polonja naqset milli tiżgura separazzjoni effettiva ta' funzjonijiet regolatorji minn attivitajiet relatati ma' l-eżerċizzju ta' drittijiet tal-proprjetà jew ta' kontroll.
L-Istat Polakk għandu ishma estensivi f'numru ta' impriżi ta' telekomunikazzjonijiet. Fl-istess ħin, l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-Polonja hija nominata mill-Prim'Ministru, li huwa intitolat li jirrevokaha f'kull ħin mingħajr ma jipprovdi raġunijiet u li fuqu jiddependu pjenament il-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru ta' l-Infrastruttura.
In-nuqqas ta' dispożizzjonijiet li jiddefinixxu t-tul taż-żmien tal-mandat ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja u n-nuqqas ta' lista eżawrjenti ta' kundizzjonijiet li jippermettu r-revoka tagħha jirriżulta fil-fatt li hija dipendenti b'mod sostanzjali fuq il-Prim'Ministru u tonqos milli tiggarantixxi li l-operaturi tas-suq li fih l-Istat jikkontrolla xi ishma jkunu trattati bl-istess mod bħal operaturi oħra.
(1) ĠU L 208 ta' l-24.4.2002, p. 33-50.
Full & Egal Universal Law Academy