11.10.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 260/10
Appell ippreżentat fit-30 ta' Lulju 2008 minn WWF-UK Ltd mid-digriet mogħti mill-Qorti tal-Prim Istanza (It-Tmien Awla) fit-2 ta' Ġunju 2008 fil-Kawża T-91/07: WWF-UK Ltd vs Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea
(Kawża C-355/08 P)
(2008/C 260/18)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: WWF-UK Ltd (rappreżentanti: R. Stein, Solicitor, P. Sands u J. Simor, Barristers)
Partijiet oħra fil-proċess: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet ta' l-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti għandha:
—
tannulla d-digriet tal-5 ta' Ġunju 2008 u tiddikjara ammissibbli r-rikors ta' WWF fil-Qorti tal-Prim'Istanza (“QPI”);
—
tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' WWF quddiem din il-Qorti u l-Qorti tal-Prim'Istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
1)
Il-QPI b'mod żbaljat ikkonstatat li d-dritt ta' WWF bħala membru tar-RAC li tkun involuta fil-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-obbligu tal-Kunsill li jikkunsidra l-opinijonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tal-miżuri rilevanti ma kienx biżżejjed sabiex jiddistingwiha “individwalment” għall-finijiet ta' l-Artikolu 230 tat-Trattat KE. Il-QPI b'mod żbaljat ikkunsidrat li WWF ma kellhiex drittijiet proċedurali, għaliex qieset li RAC biss għandha dawn id-drittijiet, u mhux il-membri tagħha.
2)
Il-QPI b'mod żbaljat ikkunsidrat li anke jekk tingħata locus standi, il-protezzjoni ġudizzjarja ma tkunx intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali ta' WWF u għaldaqstant ma kellhiex bżonn ta' protezzjoni ġudizzjarja. Dan huwa approċċ żbaljat għall-kwistjoni ta' locus standi. Sakemm interess “dirett u individwali” jista' jiġi pprovat, ir-rikorrenti għandha dritt tikkontesta l-“legalità tal-miżura rilevanti”, li huwa dak li qed tipprova tagħmel WWF f'dan il-każ. WWF mhijiex limitata li tikkontesta nuqqas fil-proċedura, kif tissuġġerixxi l-QPI.
3)
Id-deċiżjoni tal-QPI hija vizzjata minn inġustizzja proċedurali. Il-QPI għalqet il-proċedura wara li rċiviet l-intervent tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2007, minkejja li kienet qablet fis-27 ta' Settembru 2007 li WWF kellha tingħata l-opportunità li tirrispondi għal kull osservazzjoni tal-Kummissjoni. WWF ma ngħatatx l-awtorizzazzjoni li tibgħat osservazzjonijiet bħala risposta. Madankollu WWF bagħtet is-sottomissjonijiet tagħha imma dawn ma ġewx ikkunsidrati mill-QPI qabel ma ħadet id-deċiżjoni, tagħha li ma tagħmel l-ebda referenza għas-sottomissjonijiet ta' WWF bħala risposta għall-Kummissjoni. Għalhekk, kien hemm ksur serju tal-prinċipji tal-ġustizzja naturali u proċess ġust mill-QPI.
Full & Egal Universal Law Academy