22.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 301/16
Rikors ippreżentat fil-25 ta' Awwissu 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-383/08)
(2008/C 301/30)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: L. Pignataro, aġent)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tal-parti rikorrenti
—
tiddikjara li billi adottat id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Ministerjali tas-26 ta' Awwissu 2005, kif emendata l-aħħar bid-Digriet tas-17 ta' Diċembru li teżiġi l-obbligu tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini tal-laħam tat-tjur imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' dan id-digriet, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt il-punt 8 tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE (1) fuq l-approssimazzjoni ta' liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti tal-ikel, flimkien mal-Artikoli 5(3)(e) u 5(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 (2) dwar l-istandards tal-marketing għal-laħam tat-tjur, sat-30 ta' Ġunju 2008 u, mill-1 ta' Lulju 2008, flimkien mal-Artikolu 5(4)(e) u l-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 543/2008 (3);
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu tal-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam tat-tjur derivanti minn Stati Membri oħra previst mid-Digriet tas-26 ta' Awwissu 2005 fid-dawl tal-aħħar emenda li saret permezz tad-Digriet tas-17 ta' Diċembru 2007, jikkostitwixxi ksur tal-punt 8 tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13, flimkien mal-Artikoli 5(3)(e) u 5(4) tar-Regolament Nru 1906/90 sat-30 ta' Ġunju 2008, u, mill-1 ta' Lulju 2008, flimkien mal-Artikoli 5(4)(e) u 5(5) tar-Regolament Nru 543/2008. Skont il-Gvern Taljan, dan l-obbligu ġie introdott wara li seħħew każijiet ta' influwenza tat-tjur f'pajjiżi terzi, bħala miżura intiża sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-laħam.
Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu inkwistjoni jmur kontra l-punt 8 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13. Minn din id-dispożizzjoni, fil-fatt, jirriżulta b'mod ċar li, għall-prodotti tal-ikel inġenerali, l-indikazzjoni tal-post ta' oriġini jew ta' provenjenza għandha tidher fuq it-tikketta biss meta konsumatur, fin-nuqqas ta' tali indikazzjoni, jkun jista' jqis bi żball li l-prodott inkwistjoni jkollu oriġini jew provenjenza speċifika. Il-leġiżlatur Komunitarju ma jqisx għaldaqstant li l-indikazzjoni tal-oriġini hija informazzjoni neċessarja għall-konsumatur b'mod ġenerali u assolut, iżda biss ladarba n-nuqqas tat-tali indikazzjoni tkun tista' twasslu jieħu żball.
Il-Gvern Taljan għandu jipprova li l-obbligu ta' indikazzjoni tal-oriġini tat-tjur derivanti minn Stati Membri oħra previst mid-digriet inkwistjoni huwa effettivament importanti għal-laħam tat-tjur u li n-nuqqas tiegħu jimplika riskju ta' żball min-naħa tal-konsumatur. Skont il-Kummissjoni, fil-verità, huwa ma pprovda l-ebda element li seta' jipprova li l-konsumatur Taljan kien jiżvija ruħu fir-rigward tal-oriġini jew il-provenjenza tal-laħam tat-tjur fin-nuqqas ta' indikazzjoni tal-oriġini.
Iċ-ċirkustanza marbuta mal-kriżi tal-influwenza tat-tjur ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom in-nuqqas ta' indikazzjoni tal-oriġini tista' twassal lill-konsumatur jieħu żball u jemmen li l-laħam tat-tjur ikollhom oriġini partikolari. Is-sempliċi fatt li l-konsumatur medju jagħti importanza lill-oriġini tal-prodott ma jfissirx li, fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet f'dan is-sens, jasal jieħu żball fir-rigward tal-oriġini reali tal-prodott. Dan fil-fatt jippreżupponi li l-konsumatur jattribwixxi awtomatikament oriġini speċifika lil-laħam tat-tjur, iżda dan il-fatt ma ġiex ipprovat mill-Gvern Taljan. Barra minn hekk, huwa opportun li wieħed josserva li l-kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali ma jistgħux jiġu evalwati mill-konsumatur, li ma għandux l-għarfien neċessarju sabiex jevalwa r-riskju abbażi tal-indikazzjoni dwar l-oriġini.
Barra minn hekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-digriet mhumiex ġustifikati minn raġunijiet ta' saħħa pubblika taħt l-Artikolu 18(2) ta' din id-direttiva, li ġew invokati mill-Gvern Taljan bħala ġustifikazzjoni għall-obbligu supplementari ta' tikkettjar. Fil-fatt, il-Komunità, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur, adottat firxa wiesgħa ta' provvedimenti veterinarji intiżi sabiex jiġi ggarantit li l-laħam tat-tjur f'saħħithom biss setgħu u jistgħu jidħlu fil-Komunità u jinbigħu.
L-argument invokat mill-Gvern Taljan li l-imsemmija miżuri Komunitarji ma jiżgurawx it-traċċabbiltà mhuwiex rilevanti, skont il-Kummissjoni, peress li l-miżuri Komunitarji inkwistjoni huma intiżi għall-prevenzjoni saħansitra tad-dħul fit-territorju Komunitarju ta' laħam derivanti minn pajjiżi terzi li fihom ikunu ġew skoperti każijiet ta' influwenza. Għaldaqstant dawn jipproduċu effetti fi stadju li jinsab fis-sors meta mqabbla mal-istadju ta' kummerċjalizzazzjoni, li fuqu tintervjeni l-miżura Taljana, proprju għaliex għandhom l-għan li jevitaw li laħam derivanti minn pajjiżi terzi li fihom jimmanifesta ruħu każ ta' influwenza tat-tjur jiġi importat fil-Komunità. Min-naħa l-oħra, il-Komunità adottat ukoll miżuri li jiggarantixxu l-iżolament tal-każijiet ta' influwenza tat-tjur li eventwalment ikunu seħħew fi ħdan it-territorju Komunitarju b'mod li jiġi evitat kull riskju ta' kontaminazzjoni. Ġewwa l-Komunità Ewropea ġew imbagħad adottati serje ta' miżuri veterinarji intiżi sabiex tiġi prekluża t-trażmissjoni tal-virus minn għasafar selvaġġ għat-tjur fir-reġjuni li fihom ikunu nstabu għasafar infettati u sabiex jitnaqqsu każijiet eventwali ta' epidemija fost it-tjur.
Il-Gvern Taljan imbagħad jinvoka r-Regolament Nru 1760/2000 (4) li stabbilixxa sistema ta' traċċabbiltà tal-laħam taċ-ċanga li jdaħħal obbligu ta' tikkettjar mill-oriġini, sabiex jiġġustifika l-leġittimità tal-obbligu introdott mid-digriet inkwistjoni.
Madankollu l-Kummissjoni ssostni li din il-miżura, b'differenza mid-digriet inkwistjoni, hija waħda Komunitarja u mhijiex provvediment nazzjonali u għaldaqstant unilaterali u intiża sabiex tikkostixxi ostakolu għall-kummerċ. Barra minn hekk, l-effiċjenza tas-sistema introdotta mir-Regolament Nru 1760/2000 mhijiex ibbażata biss fuq sistema ta' sempliċi indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott, bħal ma jipprovdi d-digriet Taljan għal-laħam tat-tjur, iżda minn ġabra ta' serje ta' elementi inkluża s-sistema ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-annimali.
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Taljan li jiġġustifika l-miżura billi jibbażaha fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma pprovatx in-nuqqas ta' inċertezza xjentifika fir-rigward ta' kif jiġi trażmess il-virus fuq il-bniedem, il-Kummissjoni tosserva, skont il-ġurisprudenza tal-Qrati Komunitarji, li d-data xjentifika invokata mill-Gvern Taljan fit-tweġiba għall-opinjoni motivata ma tipprovax li teżisti inċertezza xjentifika reali fuq kif jiġi trażmess il-virus fuq il-bniedem. Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati Komunitarji, huma fil-fatt l-awtoritajiet Taljani li għandhom jipprovaw l-inċertezza xjentifika li tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri nazzjonali b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni u mhux il-Kummissjoni li għandha tipprova n-nuqqas ta' inċertezza xjentifika, bħal ma jidher li qed jissuġġerixxi l-Gvern Taljan fit-tweġiba għall-opinjoni motivata.
Anki li kieku kellu jiġi wara kollox ammess li b'riferiment għall-ipoteżi limitata tat-trażmissjoni tal-virus mit-tjur infettat lill-annimali domestiċi b'mod ġenerali u lill-qtates b'mod partikolari, il-Gvern Taljan ipprova l-eżistenza ta' inċertezza xjentifika reali fuq id-dokumenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-Awtorità tas-Saħħa invokati minnu fit-tweġiba għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni tqis madankollu li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni intiż bħala ġustifikazzjoni għad-digriet inkwistjoni hija eċċessiva u għaldaqstant sproporzjonata għall-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali fid-dawl tal-adozzjoni ta' numru ta' miżuri Komunitarji intiżi sabiex jintlaħaq l-istess għan.
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5(3)(e) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1906/90 dwar l-istandards tal-marketing għal-laħam tat-tjur, sat-30 ta' Ġunju 2008 u, mill-1 ta' Lulju 2008, l-Artikolu 5(4)(e) u l-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 543/2008 jimponu l-obbligu tal-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam tat-tjur biss għat-tjur derivanti minn pajjiżi terzi. Il-Gvern Taljan ma jagħmel l-ebda argument kontra dan.
(1) ĠU L 109, p. 29.
(2) ĠU L 173, p. 1.
(3) ĠU L 157, p. 46.
(4) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1760/2000 tas-17 ta' Lulju 2000, jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, p 1).
Full & Egal Universal Law Academy