20.12.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 327/8
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d'appello di Roma (L-Italja) fit-12 ta' Settembru 2008 — Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) vs Tiziana Bruno u Massimo Pettini
(Kawża C-395/08)
(2008/C 327/13)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Qorti tar-rinviju
Corte d'appello di Roma
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)
Konvenuti: Tiziana Bruno u Massimo Pettini
Domandi preliminari
1)
Il-regola fil-leġiżlazzjoni Taljana stabbilita fl-Artikolu 7(1) tal-Liġi 638/83, li tirriżulta f'sitwazzjoni fejn il-perijodi mhux maħduma bħala part-time vertikali ma jitqiesux bħala perijodi ta' kontribuzzjoni għall-akkwist tad-dritt għal pensjoni, hija konformi mad-Direttiva 97/81/KE (1), u b'mod partikolari, mal-Artikolu 4 dwar il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni?
2)
L-imsemmija sistema nazzjonali hija konformi mal-imsemmija Direttiva, u b'mod partikolari, mal-Klawżola 1 [tal-Ftehim Qafas], li tipprovdi li s-sistema nazzjonali għandha tiffaċilita l-iżvilupp tax-xogħol part-time, mal-Klawżola 4 u mal-Klawżola 5, li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jeliminaw l-ostakoli ta' natura legali li jillimitaw l-aċċess għal xogħol part-time, peress li mhemmx dubju li n-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-pensjoni, ta' ġimgħat mhux maħduma, jikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv fl-għażla ta' xogħol part-time tat-tip vertikali?
3)
Il-Klawżola 4 dwar il-prinċpju ta' non-diskriminazzjoni tista' testendi wkoll għal tipi differenti ta' kuntratti part-time, safejn, fil-każ ta' xogħol part-time orizzontali, għal numru identiku ta' sigħat maħduma u mħallsa fis-sena kalendarja, il-ġimgħat kollha tas-sena kalendarja jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għad-differenza ta' xogħol part-time vertikali?
(1) Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC — L-Anness: Il-ftehim qafas dwar xogħol part-time — ĠU 1998, L 14, p. 9.
Full & Egal Universal Law Academy