22.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 301/18
Appell ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2008 minn Audi AG kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Lulju 2008 fil-Kawża T-70/06 — Audi AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-398/08)
(2008/C 301/32)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Audi AG (rappreżentanti: S. O. Gillert u Dr. F. Schiwek, avukati)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tas-16 ta' Diċembru 2005 fil-każ R 237/2005-2 sa fejn tiċħad parzjalment l-appell mid-deċiżjoni tal-eżaminatur;
—
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u quddiem il-Bord tal-Appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94: il-Qorti tal-Prim'Istanza — l-istess bħall-Bord tal-Appell qabilha — ma wettqitx evalwazzjoni suffiċjenti tal-pubbliku rilevanti inkwistjoni. Fid-dawl tan-numru kbir ta' prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, approċċ ġenerali mhuwiex aċċettabbli.
Il-Qorti tal-Prim'Istanza, barra minn hekk, applikat kriterju restrittiv wisq fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv. Il-Qorti tal-Prim'Istanza injorat li anki l-hekk imsejjaħ slogan pubbliċitarju użat fil-kummerċ jista' jikkostitwixxi trade mark verbali. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat kriterju manifestament iktar strett sabiex tistabbilixxi l-karattru distintiv minħabba s-sempliċi fatt li fil-fehma tagħha t-trade mark “Vorsprung durch Technik” li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tikkostitwixxi slogan pubbliċitarju.
Ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94: il-Qorti tal-Prim'Istanza llimitat ruħha għall-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Fatti ġodda li jitqajmu mill-partijiet u li ma kinux diġà s-suġġett tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell la għandhom jiġu ammessi u lanqas ma għandhom jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim'Istanza għall-finijiet tad-deċiżjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, ibbażat ruħha fuq dokument imressaq għall-ewwel darba mill-konvenut mar-risposta. Il-konklużjoni li t-trade mark “Vorsprung durch Technik” li għaliha saret l-applikazzjoni mhijiex ta' karattru distintiv ġiet ibbażata b'mod deċiżiv fuq il-kontenut ta' dan id-dokument u fuq l-analiżi mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' dan il-kontenut.
Full & Egal Universal Law Academy