22.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 301/18
Appell ippreżentat fil-15 ta' Settembru 2008 (faks tat-12 ta' Settembru 2008) mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fl-1 ta' Lulju 2008 mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-266/02, Deutsche Post AG, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs ll-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, sostnuta mill-Bundesverband Internationaler Express- und Kurierdienste e.V. (BIEK) u UPS Europe NV/SA
(Kawża C-399/08 P)
(2008/C 301/33)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Kreuschitz, J. Flett, B. Martenczuk, aġenti)
Appellata: Bundesverband Internationaler Express- und Kurierdienste eV, UPS Europe NV/SA, Deutsche Post AG, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;
—
b'mod konformi mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddikjara li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma pprovatx li d-deċiżjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 87(1) KE, u tiċħad, konsegwentemnet, ir-rikors. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellata hija l-kumpannija Deutsche Post AG (DPAG), li hija impriża kbira li teżerċita l-attività tagħha fil-qasam tas-servizzi postali fuq il-livell internazzjonali, u li kisbet ħlas ta' kumpens importanti mir-riżorsi tal-Istat. F'deċiżjoni separata, ibbażata fuq l-Artikolu 82 KE, bid-data tal-2002 — li ma ġietx ikkontestata — il-Kummissjoni qieset li DPAG kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi pprattikat politika ta' bejgħ b'telf fis-suq tal-pakketti. Fid-dawl tal-fatt li DPAG kienet għamlet telf kullimkien matul il-perijodu inkwistjoni, din il-politika ta' prezz aggressiva setgħet tiġi ffinanzjata biss permezz tal-għajnuna mir-riżorsi li l-impriża rċeviet bħala kumpens finanzjarju.
Dan l-appell jikkonċerna prinċipalment il-kwistjoni dwar il-metodu ta' eżami li l-Kummissjoni setgħet tapplika, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' din il-kawża, sabiex tara jekk kinitx teżisti għajnuna illegali favur DPAG.
Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-metodu li kellu jiġi adottat kellu jinvolvi l-verifika tal-ispejjeż kollha marbutin mal-obbligi ta' servizz pubbliku kif ukoll tad-dħul kollu tal-impriża matul il-perijodu inkwistjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk l-impriża rċevietx kumpens finanzjarju mill-Istat li kien stmat ogħla milli mistħoqq. Fil-każ ta' tali kumpens żejjed, seta' jiġi dedott li dawn ir-riżorsi ġew ukoll użati sabiex jiffinanzjaw politika żleali ta' prezz applikata fis-suq ġar tal-pakketti bieb bieb.
Skont il-metodu użat fid-deċiżjoni, ġie stmat id-defiċit ikkawżat mill-politika żleali ta' prezz applikata fis-suq ġar, imbagħad il-Kummissjoni eżaminat jekk dan id-defiċit ġiex ikkumpensat permezz ta' riżorsi tal-Istat jew le. Jekk tali kumpens kien jiġi kkonstatat, u jekk ma kienx jeżisti sors ieħor ta' finanzjament (taħt l-għamla ta' riżorsi ta' l-impriża nfisha), kellu jiġi dedott li r-risorżi tal-Istat intużaw sabiex jiffinanzjaw il-politika żleali ta' prezz applikata fis-suq ġar tal-pakketti bieb bieb.
Il-Kummissjoni tqis li l-metodu użat fid-deċiżjoni huwa korrett. Permezz ta' dan il-metodu, wieħed ikollu raġunament loġiku, li jinkludi wkoll l-idea li l-flus għandhom, wara kollox, jiġu minn x'imkien, sabiex jkun jista' jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat irregolari. La r-raġunament u lanqas il-fatti li fuqhom huwa bbażat ma ġew ikkontestati fis-sentenza appellata. Madankollu l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq l-idea li huwa biss l-ewwel metodu li seta' jittieħed inkunsiderazzjoni, mingħajr ma spjegat għalfejn.
Il-Kummissjoni tinvoka l-aggravji li ġejjin insostenn tal-appell tagħha: jeżisti ksur tal-Artikolu 87(1) u tal-Artikolu 86(2) KE ladarba dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati b'mod żbaljat fis-sentenza appellata, għaliex ġie deċiż li huma kienu jeskludu metodu, li madankollu ma ġiex ikkontestat fis-sentenza, li kien jawtorizza, fuq il-bażi ta' argument loġiku u rilevanti, il-konklużjoni li teżisti għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni l-inkompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tinvoka ksur tal-Artikolu 230 KE sa fejn l-imsemmija qorti qabżet il-limiti tal-kompetenzi tagħha u tas-setgħa ta' stħarriġ prevista permezz tal-Artikolu 230 KE, kif ukoll ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex il-Qorti tal-Prim'Istanza ma mmotivatx il-konklużjoni tagħha rigward in-natura mhux adattata tal-metodu użat fid-deċiżjoni.
Full & Egal Universal Law Academy