8.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 285/29
Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja
(Kawża C-400/08)
(2008/C 285/48)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u R. Vidal Puig, aġenti, assistiti minn C. Fernández Vicién u I. Moreno-Tapia Rivas, avukati)
Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja
Talbiet
—
tiddikjara li, billi impona restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta' superfiċji kummerċjali li jirriżultaw mil-Liġi 7/1996 dwar il-kummerċ bl-imnut u mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità awtonoma ta' Katalunja applikabbli fil-qasam (Liġi 18/2005 dwar it-tagħmir kummerċjali; Digriet 378/2006 dwar applikazzjoni tal-Liġi 18/2005; u d-Digriet 379/2009 dwar l-approvazzjoni tal-pjan territorjali settorjali ġdid tat-tagħmir kummerċjali), ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE.
—
tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-leġiżlazzjoni Spanjola in kwistjoni (Liġi 7/1996, Liġi Katalana 18/2005, Digrieti Katalani 378/2009 u 379/2006) timponi fuq kull operatur li jixtieq jibda, jifrex jew ibiddel l-attività, iċaqlaq jew jittrasferixxi ċentru kummerċjali kbir, li jikseb liċenzja maħruġa mill-Generalidad flimkien mal-liċenzja muniċipali obbligatorja għall-bidu ta' attività, fejn din ta' l-aħħar hija ddestinata sabiex tivverifika l-konformità tal-istabbiliment mar-regoli urbani fis-seħħ. L-għoti tal-liċenzji kummerċjali huwa suġġett għal sensiela ta' elementi ta' stima li fosthom hemm l-adegwament tal-proġett għall-pjan territorjali settorjali tat-tagħmir kummerċjali, b'mod li ebda stabbiliment ma jista' jiġi awtorizzat jekk ma jirrispettax id-deċiżjonijiet kollha tal-pjan, il-lokalizzazzjoni tal-proġett f'żona urbana kkonsolidata u l-livell ta' stabbiliment tal-impriża kandidata.
Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjonijiet Spanjoli u Katalani in kwistjoni jikkostitwixxu restrizzjonijiet inġustifikati għal-libertà ta' stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE minħabba r-raġunijiet segwenti:
1.
Ir-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni kummerċjali — flimkien mal-awtorizzazzjoni muniċipali — mogħtija skond ċerti kriterji li huma marbuta mhux biss mal-ippjanar tat-territorju u mal-ambjent, iżda wkoll mar-riperkussjonijiet ekonomiċi potenzjali tal-istabbiliment il-ġdid ta' ċerti tipi ta' superfiċji kummerċjali ta' daqs kbir fuq l-istruttura kompetittiva tas-suq tad-distribuzzjoni u tal-verifika tal-eżistenza ta' “bżonn tas-suq” jagħmel l-istabbiliment ta' ċerti tipi ta' superfiċji ta' daqs kbir diffiċli ħafna.
2.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha effett diskriminatorju billi tiffavorixxi l-istabbiliment ta' ċentri kummerċjali iżgħar (li jikkorrispondu għall-istruttura ta' distribuzzjoni kummerċjali tradizzjonali ta' Katalunja, u b'hekk, tal-kummerċ lokali), meta pparagunat ma' dak taċ-ċentri kummerċjali kbar (li jikkorrispondu għall-mudell ta' distribuzzjoni utilizzat mill-kumpanniji li joriġinaw minn stati Komunitarji oħra).
Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-motivi msemmija fl-Artikolu 46 tat-Trattat KE (ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika) li barra minn hekk ma ġewx invokati mill-awtoritajiet nazzjonali.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġustifikazzjonijiet invokati mill-awtoritajiet Spanjoli u Katalani — protezzjoni tal-konsumaturi (protezzjoni tal-kummerċ żgħir sabiex tiġi ggarantita l-eżistenza ta' offerta kompetittiva f'kull suq-, protezzjoni tal-ambjent u tal-ambjent urban) ma jistgħux jiġu aċċettati minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
1.
Il-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni eżaminata fir-realtà mhumiex intiżi sabiex jipproteġu l-konsumaturi, kif isostnu l-awtoritajiet nazzjonali, iżda sabiex jiffavorixxu s-settur tal-kummerċ żgħir bi ħsara għaċ-ċentri kummerċjali kbar ta' distribuzzjoni. Konsegwentement, il-miżuri mhumiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan allegat peress li fil-verità dawn isegwu għan ekonomiku.
2.
Il-miżuri in kwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. F'kull ipoteżi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom l-obbligu li jagħtu prova li l-għanijiet invokati ma setgħux jintlaħqu b'miżuri inqas restrittivi.
Full & Egal Universal Law Academy