20.12.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 327/11
Appell ippreżentat fit-22 ta' Settembru 2008 minn Lafarge SA mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) fil-Kawża T-54/03 fit-8 ta' Lulju 2008, Lafarge SA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-413/08 P)
(2008/C 327/19)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanta: Lafarge SA (rappreżentanti: A. Winckler, F. Brunet, E. Paroche, H. Kanellopoulos, avukati)
Appellati: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' Lulju 2008, fil-Kawża T-54/03 u, billi tilqa' t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza, tannulla konsegwentement, skont l-Artikolu 229 tat-Trattat KE, l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill 17/62 (1), li sar l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 (2), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru 2005/471/KE tas-27 ta' Novembru 2002 (3), sa fejn hija timponi multa fuq l-appellanta;
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tat-8 ta' Lulju 2008, fil-Kawża T-54/03 u, billi tilqa' t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza, tnaqqas konsegwentement l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq l-appellanta fid-Deċiżjoni Nru 2005/471/KE tas-27 ta' Novembru 2002;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanta tinvoka sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-kumpannija appellanta ssostni, b'mod prinċipali, li l-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat l-evalwazzjoni tagħha sa fejn hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet validament tibbaża l-eżistenza nfisha tal-ksur b'riferiment għal allegat kuntest ta' ksur globali ta' skambju ta' informazzjoni li wassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni u għal stabbiliment tas-suq tal-folji tal-ġibs.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanta tallega l-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza u tal-korollarju tiegħu, il-prinċipju “in dubio pro reo”, sa fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-Kummissjoni stabbiliet il-parteċipazzjoni tal-appellanta fi ksur uniku, kumpless u kontinwu fin-nuqqas saħansitra tal-provi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza u t-tul ta' żmien tal-ksur.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanta tinvoka l-ksur, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-obbligu ta' motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta' trattament ugwali sa fejn hija kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li qieset bħala suffiċjenti serje ta' provi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mill-appellanta, meta dawn l-istess provi tqiesu bħala mhux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-istess ksur minn kumpannija kompetitriċi.
Permezz tar-raba' aggravju tagħha, l-appellanta ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali sa fejn hija ma kkritikatx l-ammont tat-tluq tal-multa imposta, li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta' Lafrage u l-partijiet tagħha mis-suq meta mqabblin ma' dawk tal-kompetituri tagħha.
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanta tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet diversi żbalji ta' liġi u kisret l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni sa fejn hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament żiedet il-multa imposta fuq l-appellanta minħabba reċidività meta ma kinitx teżisti bażi ġuridika, u lanqas kundanna definittiva li tista' tiġġustifika tali żieda. B'dan il-mod, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret kemm il-prinċipju ġenerali tal-legalità tal-pieni kif ukoll dak taċ-ċertezza legali u dak tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
Permezz tas-sitt u s-seba' aggravji tagħha, l-appellanta tallega fl-aħħar nett li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament żiedet l-ammont tat-tluq tal-multa għal effett dissważiv, meta hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont finali ta' din tal-aħħar sabiex tevalwa jekk kienx xieraq li tiġi miżjuda l-multa għal dan l-effett.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17/62, tas-7 ta' Frar 1962, L-Ewwel Regolament fuq l-implementazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 13, p. 204).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2002 fil-Kawża COMP/E-1/37. 152, Folji tal-ġibs, ĠU 2005, L 166, p. 8).
Full & Egal Universal Law Academy