20.12.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 327/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État (Il-Belġju) fis-26 ta' Settembru 2008 — Enviro Tech (Europe) Ltd vs L-Istat tal-Belġju
(Kawża C-425/08)
(2008/C 327/21)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d'État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Enviro Tech (Europe) Ltd
Konvenut: L-Istat tal-Belġju
Domandi preliminari
L-ewwel domanda:
—
Id-Direttiva 2004/73/KE (1) hija konformi mad-Direttiva Qafas 67/548/KEE (2), b'mod iktar partikolari, mal-punt A.9 tal-Anness V, li jistabbilixxi l-metodi tad-determinazzjoni tat-temperatura l-iktar baxxa li fiha l-nPB tista' taqbad (flash points), sa fejn tikklassifika l-nPB bħala sustanza faċilment fjammabbli (R 11) fuq il-bażi ta' test wieħed imwettaq f'temperatura ta' -10oC?
—
Id-Direttiva 2004/73/KE hija konformi mad-Direttiva Qafas 67/548/KEE, b'mod iktar partikolari, mal-punt 4.2.3 tal-Anness VI tagħha, sa fejn tikklassifika l-nPB bħala sustanza tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60), minn naħa, mingħajr riżultati ċari, fi studji xierqa fuq annimal, tal-effetti tossiċi osservati sabiex tiġġustifika preżunzjoni qawwija li l-espożizzjoni tal-bniedem għal sustanza bħal din tista' twassal għal effetti tossiċi fuq l-iżvilupp u, min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tat-testijiet li fihom ġew osservati effetti tossiċi biss fl-annimali li jiġu ssuġġettati għal konċentrazzjoni ta' 250 PPM, jiġifieri ħdax-il darba iktar mill-massimu u erbgħin darba l-medja tal-konċentrazzjoni ta' nBP li għaliha l-bniedem huwa espost meta juża l-prodott?
—
Id-Direttiva 2004/73/KE hija konformi mad-Direttiva Qafas 67/548/KEE, b'mod iktar partikolari, mal-Annessi V u VI tagħha, sa fejn tikklassifika l-nPB bħala sustanza faċilment fjammabbli (R 11) u bħala sustanza tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60) fuq il-bażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni mingħajr ma jiġu osservati l-metodi u l-kriterji stabbiliti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva 67/548/KEE?
—
Id-Direttiva 2004/73/KE hija konformi mad-Direttiva Qafas 67/548/KEE, sa fejn tikklassifika l-nPB bħala sustanza faċilment fjammabbli (R 11) u bħala sustanza tal-kategorija 2 li hija tossika għar-riproduzzjoni (R 60) fuq il-bażi ta' testijiet li huma differenti minn dawk magħmula fuq prodotti kompetituri, b'mod partikolari, il-kloru tal-aloġenu, u bi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità?
It-tieni domanda:
—
F'każ ta' non-konformità tad-Direttiva 2004/73/KE mad-Direttiva 67/548/KEE, ir-Renju tal-Belġju kellu jastjeni milli jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-klassifikazzjoni tal-nPB kif tirriżulta mid-Direttiva 2004/73/KE, jew anki jirrifjuta li jaċċetta din il-klassifikazzjoni, minkejja li skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/73/KE, “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Ottubru 2005, l-aktar tard”?
(1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE, tad-29 ta' April 2004, li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-disposizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardjaw il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU L 152, p. 1).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy