22.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 301/26
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) (Ir-Renju Unit) fid-29 ta' Settembru 2008 — Karen Murphy vs Media Protection Services Limited
(Kawża C-429/08)
(2008/C 301/42)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Karen Murphy
Konvenuta: Media Protection Services Limited
Domandi preliminari
1)
F'liema ċirkustanzi apparat tal-aċċess kondizzjonali għandu jiġi kkunsidrat bħala “apparat illeċitu” fit-tifsira tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE (1)?
2)
B'mod partikolari, apparat tal-aċċess kondizzjonali huwa “apparat illeċitu” jekk jiġi akkwistat f'ċirkustanzi fejn:
(i)
l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u ġie fornut oriġinarjament bil-kundizzjoni ta' awtorizzazzjoni kuntrattwali limitata li l-apparat jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett fl-ewwel Stat Membru biss u minflok intuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett riċevut fi Stat Membru ieħor? u/jew
(ii)
l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta' isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru u b'hekk ingħelbu restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta' apparati bħal dawn għal użu barra minn l-ewwel Stat Membru? u/jew
(iii)
l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament ġie fornut bil-kundizzjoni kuntrattwali li jintuża biss għal użu domestiku jew privat u mhux għal użu kummerċjali (li għalih jitħallas abbonament ogħla), iżda intuża fir-Renju Unit għal finijiet kummerċjali, prinċipalment biex jintwera logħob live tal-futbol f'pub?
3)
Jekk ir-risposta għal kwalunkwe parti tad-Domanda 2 hija “le”, l-Artikolu 3(2) ta' dik id-Direttiva jipprekludi li Stat Membru japplika liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta' apparati tal-aċċess kondizzjonali bħal dawn fiċ-ċirkustanzi msemmija fid-Domanda 2 iktar 'il fuq?
4)
Jekk ir-risposta għal kwalunkwe parti tad-Domanda 2 hija “le”, l-Artikolu 3(2) ta' dik id-Direttiva huwa invalidu:
(a)
għar-raġuni li huwa diskriminatorju u/jew sproporzjonat; u/jew
(b)
għar-raġuni li jikser id-drittijiet ta' moviment liberu taħt it-Trattat; u/jew
(ċ)
għal kwalunkwe raġuni oħra?
5)
Jekk ir-risposta għad-Domanda 2 hija “iva”, l-Artikoli 3(1) u 4 ta' dik id-Direttiva huma invalidi għar-raġuni li huma jidhru li jeħtieġu mill-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni minn Stati Membri oħra ta' “apparati illeċiti” u fuq in-negozju mod ieħor tagħhom f'ċirkustanzi fejn dawk l-apparati jistgħu jiġu importati legalment u/jew jintużaw sabiex jiġu riċevuti servizzi ta' xandir bis-satellita trans-nazzjonali skont ir-regoli fuq il-moviment liberu ta' merkanzija taħt l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat KE u/jew il-libertà li jiġu pprovduti u riċevuti servizzi taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat KE?
Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12, 28, 30 u 49 tat-Trattat KE
6)
L-Artikoli 28, 30 u/jew 49 KE jipprekludi l-infurzar ta' liġi nazzjonali (bħall-Artikolu 297 tal-Copyright Designs and Patents Act 1988) li tistabbilixxi li huwa reat kriminali li wieħed jirċievi b'mod diżonest programm inkluż f'servizz ta' xandir minn post fir-Renju Unit bl-intenzjoni li jevita li jħallas il-prezz applikabbli għall-fatt li jirċievi l-programm, f'waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi:
(i)
fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u ġie fornut oriġinarjament bil-kundizzjoni ta' awtorizzazzjoni kuntrattwali limitata li l-apparat jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett fl-ewwel Stat Membru biss u minflok intuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett riċevut fi Stat Membru ieħor (f'dan il-każ ir-Renju Unit)? u/jew
(ii)
fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta' isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru u b'hekk ingħelbu restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta' apparati bħal dawn għal użu barra minn l-ewwel Stat Membru? u/jew
(iii)
fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament ġie fornut bil-kundizzjoni kuntrattwali li jintuża biss għal użu domestiku jew privat u mhux għal użu kummerċjali (li għalih jitħallas abbonament ogħla), iżda intuża fir-Renju Unit għal finijiet kummerċjali, prinċipalment biex jintwera logħob live tal-futbol f'pub?
7)
L-infurzar tal-liġi nazzjonali inkwistjoni huwa, fi kwalunkwe każ, ipprojbit fuq il-bażi ta' diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 12 KE jew inkella, għaliex il-liġi nazzjonali tapplika għal programmi inklużi f'servizz ta' xandir minn post fir-Renju Unit iżda mhux minn kwalunkwe Stat Membru ieħor?
Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE
8)
Fejn fornitur tal-kontenut tal-programmi jidħol f'sensiela ta' liċenzji esklużivi li kull waħda minnhom tkopri t-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar li permezz tagħhom ix-xandar huwa awtorizzat ixandar il-kontenut tal-programm f'dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u jiġi inkluż obbligu kuntrattwali f'kull liċenzja li jobbliga lix-xandar li jipprojbixxi li l-kards tiegħu ta' aċċess tas-satellita, li jagħmlu possibbli li jiġi riċevut il-programm awtorizzat, jintużaw barra mit-territorju kopert mil-liċenzja, x'eżami legali għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali u x'ċirkustanzi għandha tikkunsidra meta tiddeċidi jekk ir-restrizzjoni kuntrattwali tmur kontra l-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 81(1) KE?
B'mod partikolari:
(a)
l-Artikolu 81(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal dak l-obbligu biss għaliex huwa kkunsidrat li għandu bħala għan li jipprevjeni, jirrestrinġi jew ikun ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni?
(b)
jekk huwa hekk, għandu jintwera wkoll li l-obbligu kuntrattwali jipprevjeni, jirrestrinġi jew huwa ta' distorsjoni b'mod kunsiderevoli għall-kompetizzjoni sabiex jaqa' fil-projbizzjoni imposta mill-Artikolu 81(1) KE?
(1) Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU L 320, p. 54).
Full & Egal Universal Law Academy