10.1.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/10
Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-442/08)
(2009/C 6/17)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Caeiros u B. Kotschy, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ġermanja
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta' Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta' riżorsi tal-Komunitajiet innifishom [sistema ta' riżorsi proprji tal-Komunitajiet] (1) jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta' Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet [sistema ta' riżorsi proprji tal-Komunitajiet] (2), billi
—
ħalliet li jiġu preskritti krediti doganali, minkejja li kienet irċeviet avviż għal għajnuna reċiproka, u billi ħalset b'mod tardiv is-somma ta' riżorsi proprji korrispondenti,
—
irrifjutat li tħallas l-interessi għal dewmien dovuti;
—
tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Mill-1994, vetturi bil-mutur ġew importati mill-Ungerija fil-Ġermanja fil-kuntest ta' trattament tariffarju preferenzjali stabbilit bil-Ftehim Ewropew bejn il-Komunità Ewropea u l-Ungerija. Permezz ta' avviż għal għajnuna reċiproka tas-26 ta' Ġunju 1998, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (iktar 'il quddiem “l-OLAF”) informa lill-Istati Membri li, wara li wettqu l-ispezzjonijiet a posteriori tagħhom, l-awtoritajiet Ungeriżi kienu invalidaw id-dikjarazzjonijiet ta' oriġini ta' 58 006 vettura (fosthom 19 123 fir-rigward tal-Ġermanja). B'ittra, li l-verżjoni bl-Ingliż tagħha ntbagħtet lill-awtoritajiet Ġermaniżi fit-13 ta' Lulju 1998, u t-traduzzjoni bil-Ġermaniż fit-18 ta' Awwissu 1998, l-OLAF bagħat id-dokumenti u l-informazzjoni relatati ma' dan l-avviż għal għajnuna reċiproka, fosthom, b'mod partikolari, l-ittra tas-26 ta' Mejju 1998 li permezz tagħha l-awtoritajiet Ungeriżi kienu informaw lill-OLAF bir-riżultati tal-ispezzjonijiet a posteriori u indikawlu li l-manifattur Ungeriż kien ressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet tagħhom quddiem qorti Ungeriża. Permezz ta' avviż ġdid għal għajnuna reċiproka tas-27 ta' Ottubru 1999, l-OLAF informa lill-Istati Membri bir-riżultati ta' dawn il-proċeduri legali. L-eżami mill-ġdid tad-dikjarazzjonijiet ta' oriġini, li kien meħtieġ minħabba d-deċiżjoni tal-qorti Ungeriża, wassal biex tinżamm l-invalidità tad-dikjarazzjonijiet ta' oriġini ta' 30 771 vettura.
Mir-riżultati ta' missjoni ta' spezzjoni tar-riżorsi proprji, imwettqa mill-Kummissjoni fil-Ġermanja, u mill-informazzjoni tal-awtoritajiet Ġermanizi, irriżulta li dawn tal-aħħar kienu ħallew li jiġu preskritti dazji doganali li jammontaw għal EUR 408 735,53 fir-rigward tal-importazzjoni ta' vetturi li għalihom kienet inżammet l-invalidità tad-dikjarazzjonijiet ta' oriġini, u dan anki wara l-eżami mill-ġdid insegwitu għad-deċiżjoni tal-qorti Ungeriża. Huwa minnu li, fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi ħallsu, fil-31 ta' Ottubru 2005, l-ammont ta' riżorsi proprji dovuti skont dawn il-krediti doganali li kienu ġew preskritti, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu previst mir-Regolament Nru 1552/89 (jew mir-Regolament Nru 1150/00); madankollu, huma rrifjutaw li jħallsu l-interessi għal dewmien dovuti insegwitu għal dan il-ħlas tardiv tar-riżorsi proprji.
Il-Kummissjoni tibbaża dan ir-rikors fuq żewġ ilmenti prinċipali: minn naħa, il-ħlas tardiv tar-riżorsi proprji, u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut li jitħallsu l-interessi għal dewmien relatati. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mit-18 ta' Awwissu 1998 (data tal-komunikazzjoni tal-aħħar verżjoni lingwistika tad-dokumenti u tal-informazzjoni relatata mal-avviż għal għajnuna reċiproka tas-26 ta' Lulju 1998), l-Istati Membri kollha kienu f'pożizzjoni li jidentifikaw id-debituri tad-dazji doganali, kif ukoll l-ammonti dovuti, u għalhekk kien imisshom, sa mhux iktar tard minn dak il-mument, ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jirkupraw a posteriori l-ammonti tad-dazji inkwistjoni, kif ukoll sabiex jikkonstataw ir-riżorsi proprji korrispondenti u jħallsuhom. Fid-dawl ta' terminu raġonevoli ta' tliet xhur sabiex jiġu implementati dawn il-miżuri, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Istati Membri inattivi kellhom jassumu responsabbiltà għall-ammonti tad-dazji doganali li kienu preskritti wara t-18 ta' Novembru 1998.
Fir-rigward tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni, jiġifieri, il-ħlas tardiv tar-riżorsi proprji, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1552/1989 (jew tar-Regolament Nru 1150/2000), kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonstataw ir-riżorsi proprji, u dan irrispettivament minn jekk l-ammont tad-dazji doganali ddaħħalx fil-kontijiet jew le, u irrispettivament minn jekk dan l-ammont setax jiġi rkuprat a posteriori mingħand id-debitur jew le. Fil-prinċipju, il-ħolqien ta' dejn doganali joħloq ukoll id-dritt tal-Komunitajiet għall-ħlas tar-riżorsi proprji tradizzjonali korrispondenti, anki meta l-ammont tad-dazji ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet jew ma jkunx inġabar a posteriori mingħand id-debitur. Il-mument li fih ikun hemm lok li jiġu kkonstatati r-riżorsi proprji jiddependi mill-mument li fih l-awtoritajiet doganali nazzjonali jkunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont tar-riżorsi proprji li jirriżultaw minn dejn doganali u li jiddeterminaw id-debitur tad-dazji.
Meta l-merkanzija tkun ġiet importata b'dikjarazzjonijiet ta' oriġini invalidati insegwitu għal spezzjoni a posteriori, l-attitudni li għandhom jadottaw is-servizzi doganali tal-Istati Membri ma għandhiex tiddependi mil-liġijiet ta' Stat terz. Billi l-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Ungerija lanqas ma fih dispożizzjonijiet f'dan is-sens, għandu jiġi mfittex f'sorsi oħra tad-dritt Komunitarju dak li l-Istati Membri għandhom jagħmlu insegwitu għall-komunikazzjoni tar-riżultati ta' stħarriġ a posteriori li jqiegħed fid-dubju l-oriġini tal-merkanzija. Għalhekk, l-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 2913/92 jipprovdi li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jieħdu, b'osservanza tad-dispożizzjonijiet eventwalment stabbiliti, il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dawl tal-elementi l-ġodda li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Dan ir-regolament jobbliga wkoll lill-Istati Membri jipproċedu malajr kemm huwa possibbli għall-irkupru wara li jinħoloq id-dejn doganali u dan kemm fl-ewwel fażi ta' din il-proċedura, li tikkonsisti fid-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazji, u kif ukoll fil-fażi tal-irkupru tiegħu mingħand id-debitur.
Barra minn dan, skont ir-Regolament Nru 2913/92, l-introduzzjoni ta' rikors kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ma tissospendix l-eżekuzzjoni tagħha ħlief f'każijiet eċċezzjonali. Eventwali sospensjoni tal-eżekuzzjoni hija b'mod ġenerali suġġetta għad-depożitu ta' garanzija. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, meta l-ħolqien tad-dejn doganali jirriżulta mill-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' oriġini, insegwitu għal spezzjoni a posteriori, l-eżistenza ta' rikors ma tistax tostakola l-irkupru (a posteriori) tal-ammonti tad-dazji. Billi l-merkanzija diġà ġiet importata fil-Komunità u billi l-proċeduri legali jistgħu jdumu snin, tali sospensjoni tal-eżekuzzjoni tista' tikkawża diffikultajiet konsiderevoli fl-irkupru tad-dejn doganali fil-każ li r-rikors jiġi miċħud.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni ilment tal-Kummissjoni, jiġifieri r-rifjut li jitħallsu l-interessi għal dewmien, mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/1989 jew tar-Regolament Nru 1150/2000, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jħallsu l-interessi għal dewmien, anki fil-każ ta' ommissjoni tal-konstatazzjoni tar-riżorsi proprji. F'dan il-każ, l-ammont tar-riżorsi proprji kkontestat kellu jitħallas sa mhux iktar tard minn xahrejn wara t-18 ta' Novembru 1998, fl-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tax-xahar inkwistjoni (jiġifieri l-20 ta' Jannar 1999). Madankollu, peress li kien biss fil-31 ta' Ottubru 2005 li l-awtoritajiet Ġermaniżi għamlu dan il-ħlas, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wettqet l-obbligu tagħha tard u għalhekk għandha tħallas l-interessi għal dewmien.
(1) ĠU L 155, p. 1.
(2) ĠU L 130, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy