20.12.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 327/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt, l-Iżvezja fit-13 ta' Ottubru 2008 — Otto Sjöberg vs Åklagaren
(Kawża C-448/08)
(2008/C 327/29)
Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż
Qorti tar-rinviju
Svea hovrätt
Partijiet fil-kawża prinċipali
Appellant: Otto Sjöberg
Appellata: Åklagaren
Domandi preliminari
1)
F'ċertu ċirkustanzi, diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fi swieq nazzjonali ta' logħob tal-ażżard u lotteriji tista' tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali?
2)
Jekk jeżistu numru ta' għanijiet segwiti mill-politika restrittiva adottata f'suq nazzjonali ta' logħob tal-ażżard u lotteriji u wieħed minnhom huwa l-iffinanzjar ta' attivitajiet soċjali, dan jista' jitqies bħala aspett pożittiv inċidentali, konsegwenza ta' din il-politika restrittiva? Fil-każ ta' risposta negattiva għal din id-domanda, il-politika restrittiva li qed tiġi segwita tista' tkun aċċettabbli jekk l-għan tal-iffinanzjar ta' attivitajiet soċjali ma jistax jitqies bħala l-għan prinċipali tal-politika restrittiva?
3)
L-Istat jista' jinvoka raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali bħala ġustifikazzjoni għal politika restrittiva tal-logħob tal-ażżard jekk kumpanniji kkontrollati mill-Istat jikkummerċjalizzaw l-logħob tal-ażżard u l-lotteriji, li l-qliegħ tagħhom imur f'idejn l-Istat, u wieħed mill-għanijiet ta' din il-kummerċjalizzazzjoni huwa l-iffinanzjar ta' attivitajiet soċjali? Fil-każ ta' risposta negattiva għal din id-domanda, il-politika restrittiva li qed tiġi segwita tista' tkun, madankollu, aċċettabbli jekk jiġi deċiż li l-iffinanzjar ta' attivitajiet soċjali mhuwiex l-għan prinċipali tal-kummerċjalizzazzjoni?
4)
Projbizzjoni totali fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' logħob tal-ażżard u lotteriji organizzati fi Stat Membru ieħor minn kumpannija tal-logħob tal-ażżard stabbilita hemmhekk u ssorveljata mill-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru tista' tkun proporzjonali mal-għan ta' sorveljanza u ta' monitoraġġ tal-attività tal-logħob tal-ażżard, meta fl-istess ħin m'hemmx restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' logħob tal-ażżard u lotteriji organizzati minn kumpanniji tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fi Stat Membru li jadotta l-politika restrittiva? X'inhi r-risposta għad-domanda jekk l-għan tat-tali arranġament huwa dak li jiġi limitat il-logħob tal-ażżard?
5)
Operatur tal-logħob tal-ażżard li ngħata liċenzja sabiex jopera ċertu attività ta' logħob tal-ażżard fi Stat u li huwa sorveljat mill-awtorità kompetenti f'dak il-pajjiż huwa intitolat li jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu tal-logħob tal-ażżard fi Stati Membri oħra, per eżempju, permezz ta' reklami f'gazzetti, mingħajr ma japplika minn qabel għal liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti ta' dawk l-Istati? Jekk tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda, ir-regoli ta' Stat Membru li jkunu bbażati fuq l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kriminali fuq il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fil-lotteriji organizzati barra mill-pajjiż għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment u għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi li ma jista' qatt ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattiva ta' interess ġenerali? Il-kwistjoni ta' jekk l-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur jinvokax jew le l-istess raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali bħal dawk tal-pajjiż li fih l-operatur jixtieq jikkummerċjalizza l-attività tiegħu ta' logħob tal-ażżard, hija rilevanti għar-risposta għall-ewwel domanda?
Full & Egal Universal Law Academy