10.1.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-16 ta' Ottubru 2008 — Helmut Müller GmbH vs Bundesanstalt für Immobilienaufgaben
(Kawża C-451/08)
(2009/C 6/20)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Helmut Müller GmbH
Konvenuta: Bundesanstalt für Immobilienaufgaben
Domandi preliminari
1.
Il-kunċett ta' kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 (1) fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xogħlijiet għandhom materjalment jew fiżikament jitwettqu f'isem l-awtorità aġġudikatriċi u fl-interess ekonomiku dirett ta' din?
2.
Sa fejn il-kunċett ta' kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE ma jippermettix li jitħalla barra l-element ta' “ksib”: jista' jiġi ammess ksib skont it-tieni ipoteżi msemmija f'din id-dispożizzjoni meta x-xogħlijiet għandhom jissodsfaw għan pubbliku stabbilit mill-awtorità aġġudikatriċi (pereżempju, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp urban ta' parti mill-komun) u li l-kuntratt jagħti lill-awtorità aġġudikatriċi l-kompetenza li tassigura li l-għan pubbliku jinkiseb u li x-xogħol neċessarju għal dan il-għan jitwettaq?
3.
Il-kunċett ta' kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jitlob, fl-ewwel jew fit-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/187/KE, li l-imprenditur ikun direttament jew indirettament obbligat li jipprovdi dawn ix-xogħlijiet? It-twettiq ta' dan l-obbligu jista' jkun inforzat legalment?
4.
Il-kunċett ta' kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jippresupponi, b'applikazzjoni tat-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/187/KE, li l-imprenditur għandu jwettaq xogħlijiet jew li dawn ix-xogħlijiet jifformaw l-għan ta' dan il-kuntratt?
5.
Kuntratti li, permezz tal-kundizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità aġġudikatriċi, huma intiżi sabiex jassiguraw li x-xogħlijiet li għandhom jitwettqu għal għan pubbliku definit jiġu ggarantiti u li permezz tagħhom l-awtorità aġġudikatriċi (skont il-ftehim kuntrattwali) tingħata fl-istess waqt (fl-interess indirett tagħha) il-kompetenza li tassigura li x-xogħlijiet jistgħu jitwettqu b'sodisfazzjon tal-għan pubbliku definit jaqgħu taħt il-kunċett ta' kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tat-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/187/KE?
6.
Il-kunċett ta' “kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE huwa sodisfatt meta x-xogħlijiet jitwettqu skont il-pjanijiet verifikati u approvati mill-awtorità aġġudikatriċi?
7.
L-għoti ta' kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18/KE meta l-konċessjonarju huwa jew isir proprjetarju tal-art li fuqha għandu jsir ix-xogħol jew meta l-għoti jsir għal perijodu indefinit?
8.
Id-Direttiva 2004/18/KE tapplika (bl-obbligu għall-awtorità aġġudikatriċi li tagħti bidu għal proċeduri għall-għoti ta' kuntratti) meta x-xiri ta' art minn terzi u l-għoti ta' kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ma jseħħux fl-istess ħin, u meta, fil-mument li fih tiġi konkluża t-tranżazzjoni dwar l-art, il-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ma jkunx għadu ngħata iżda meta, f'dan il-mument, l-awtorità aġġudikatriċi kellha l-intenzjoni tagħti tali kuntratt?
9.
Tranżazzjonijiet distinti iżda relatati maċ-ċessjoni ta' art u l-għoti ta' kuntratt pubbliku għal xogħlijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda, meta dan l-għoti kien previst fil-mument tal-konklużjoni tal-bejgħ tal-art u meta l-persuni kkonċernati stabbilew intenzjonalment rabta stretta bejn il-kuntratti differenti, ta' natura materjali u, fejn huwa xieraq, kronoloġika (ara s-sentenza tal-10 ta' Novembru 2005, Stadt Mödling, C-29/04)?
(1) ĠU L 134, p. 114.
Full & Egal Universal Law Academy