10.1.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (Spanja) fis-16 ta' Ottubru 2008 — Emilia Flores Fanega vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) u Bolumburu S.A.
(Kawża C-452/08)
(2009/C 6/21)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Emilia Flores Fanega.
Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) u Bolumburu S.A.
Domandi preliminari
1)
Il-Klawżola 2(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-osservanza tad-drittijiet li jkunu qegħdin jinkisbu tkopri wkoll il-pensjoni tal-ħajja minħabba inkapaċità permanenti u totali milli wieħed jeżerċita l-professjoni abitwali, inkapaċità li tkun seħħet matul perijodu ta' leave parentali ta' sena, taħt il-forma ta' tnaqqis mill-ħin tax-xogħol u tas-salarju, minħabba marda okkupazzjonali li ħaddiem ikun intlaqat minnha matul it-twettiq tax-xogħol mogħti lill-impriża li tat il-leave u meta l-marda timmanifesta ruħha matul il-perijodu tal-leave tiegħu, fid-dawl tal-fatt li l-kopertura tal-benefiċċju min-naħa tas-sigurtà soċjali sseħħ permezz ta' surroga tal-impriża, skont ir-relazzjoni ta' assigurazzjoni obbligatorja tar-riskji professjonali ta' disgrazzji fuq ix-xogħol u ta' mard okkupazzjonali?
2)
Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-paragrafu ċċitat iktar 'il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija li huwa jipprovdi tipprekludi regola nazzjonali li, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-pensjoni ta' inkapaċità permanenti minħabba mard okkupazzjonali, tieħu inkunsiderazzjoni s-salarju li l-ħaddiem ikkonċernat jirċievi u l-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa għal din ir-raġuni matul it-tnax-il-xahar qabel il-fatt li jagħtih dritt għall-benefiċċju, li matulhom dan il-ħaddiem kien ibbenefika mil-leave imsemmi iktar 'il fuq u kellu perijodu ta' xogħol, remunerazzjoni u bażijiet ta' kontribuzzjoni mnaqqsa, mingħajr ma jipprovdi ebda fattur korrettur li jippermetti li jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni Komunitarja?
3)
F'kull każ, u indipendentement mir-risposti għad-domandi preċedenti, il-Klawżol 2(8) u 4(2) tad-direttiva msemmija iktar 'il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligi u l-previżjonijiet li huma jistabbilixxu huma inkompatibbli ma' regola ta' kalkolu bħal dik deskritta?
4)
Indipendentement mir-risposti għad-domandi preċedenti, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(1) u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KE tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trattament ugwali fil-kalkolu tal-benefiċċji jipprekludi formula ta' kalkolu bħal dik indikata, fid-dawl tal-fatt li, skont l-istatistika, il-maġġoranza kbira tal-ħaddiema li jużaw is-sistema ta' leave parentali msemmija huma nisa?
(1) Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta' ETUC (ĠU L 145, p. 4)
Full & Egal Universal Law Academy