6.12.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 313/20
Rikors ippreżentat fl-20 ta' Ottubru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs L-Irlanda
(Kawża C-456/08)
(2008/C 313/29)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: G. Zavvos, M. Konstantinidis u D. Kukovec, aġenti)
Konvenuta: L-Irlanda
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
—
Tiddikjara li, permezz tar-regoli dwar termini fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-offerenti għal reviżjoni ġudizzjarja fi kuntratti pubbliċi u billi naqset li tinnotifika d-deċiżjoni ta' għotja lill-persuna li tippreżenta l-ilment fid-deċiżjoni ta' għoti ta' kuntratt inkwistjoni, l-Irlanda naqset mit-twettiq tal-obbligi tagħha, fir-rigward tat-termini applikabbli, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE (1) rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u, rigward in-nuqqas ta' notifika, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665/KEE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE (2) li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi.
—
tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju fundamentali ta' ċertezza legali u r-rekwiżit ta' effiċjenza skont id-Direttiva 89/665/KEE li hija applikazzjoni ta' dan il-prinċipju, billi l-offerenti jitħallew f'inċertezza rigward il-pożizzjoni tagħhom jekk huma għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw deċiżjoni ta' għoti ta' kuntratt ta' awtorità kontraenti fi proċeduri ta' għoti ta' kuntratt li huma maqsuma f'żewġ fażijiet fejn l-offerent ippreferut huwa magħżul qabel id-deċiżjoni finali ta' għoti ta' kuntratt. L-Irlanda għandha tadotta miżuri li jiżguraw li l-offerenti għandhom idea ċara u ċerta rigward liema deċiżjoni tal-awtorità kontraenti huma jistgħu jikkontestaw u mil-liema data t-termini ta' skadenza għandhom jiġu kkunsidrati. Għandu jkun ċar għall-offerenti jekk l-Artikolu 84A japplika mhux biss għad-deċiżjonijiet ta' għoti ta' kuntratt iżda anki għal deċiżjonijiet interim ta' awtorità kontraenti meħuda matul il-proċedura ta' għoti ta' kuntratt (pereżempju rigward l-għażla tal-offerent ippreferut), bl-effett li ċ-ċirkustanzi mniżżla fid-deċiżjoni interim ma jistgħux jiġu kkontestati wara l-iskadenza tat-terminu kkalkolat mid-deċiżjoni interim u lanqas ma tista' d-deċiżjoni ta' għoti ta' kuntratt ma tiġi kkontestata fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi diġà mniżżla fid-deċiżjoni interim.
L-Artikolu 84A jirrikjedi li l-kawżi jeħtieġu li jitressqu “kemm jista' ikun kmieni u f'kull każ fi żmien tliet xhur”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-formulazzjoni tħalli lill-offerenti f'inċertezza rigward il-pożizzjoni tagħhom meta huma jikkunsidraw sabiex jagħmlu użu mid-dritt legali Komunitarju ta' rimedju legali kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti. Fil-fehma tal-Kummissjoni jeħtieġ li jkun ċar għall-offerenti liema terminu japplika għat-tressiq ta' kawża kontra d-deċiżjonijiet ta' awtorità kontraenti u li, sabiex l-obbligu tal-prinċipju fundamentali ta' ċertezza legali jiġi osservat, it-terminu applikabbli jeħtieġ li jkun wieħed fiss li jista' jiġi interpretat b'mod ċar u prevedibbli mill-offerenti kollha.
(1) ĠU L 395, p. 33.
(2) ĠU L 199, p. 42.
Full & Egal Universal Law Academy