20.12.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 327/19
Rikors ippreżentat fil-21 ta' Ottubru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-458/08)
(2008/C 327/31)
Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u P. Guerra u Andrade, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tiddikjara li billi imponiet, fir-rigward tal-provvista ta' servizzi ta' kostruzzjoni fil-Portugall, l-istess rekwiżiti li timponi fir-rigward tal-istabbiliment, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE.
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-liġi Portugiża għall-aċċess u l-kontinwazzjoni fl-attività tal-kostruzzjoni (Digriet-Liġi Nru 12/2004) titlob il-ħtieġa ta' liċenzja għall-eżerċizzju tal-attività ta' kostruzzjoni fil-Portugall.
L-ebda impriża, mingħajr eċċezzjoni, tista' twettaq, fil-Portugall, xogħol ta' kostruzzjoni, rikostruzzjoni, estensjoni, alterazzjoni, riparazzjoni, konservazzjoni, rijabilitazzjoni, tindif, restawr, demolizzjoni u, b'mod ġenerali, kwalunkwe xogħol relatat mal-kostruzzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Amministrazzjoni Portugiża.
Il-liġi tal-kompetizzjoni Portugiża li tipprojbixxi lill-impriżi, fosthom l-impriżi Komunitarji, milli jipprovdu servizzi ta' kostruzzjoni fil-Portugall mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel għall-aċċess fl-industrija tal-kostruzzjoni mogħtija mill-AmministrazzjoniPortugiża, tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 49 KE.
Ir-rekwiżiti għall-aċċess fl-attività tal-kostruzzjoni, hekk kif ipprovduti fil-liġi Portugiża, huma rekwiżiti ta' stabbiliment. Il-liġi Portugiża ma tagħmilx distinzjoni bejn stabbiliment u provvista ta' servizzi ta' natura temporanja.
Sabiex tipprovdi servizzi fil-Portugall, impriża ta' kostruzzjoni stabbilita fi Stat Membru ieħor hija obbligata tissodisfa r-rekwiżiti kollha neċessarji għall-istabbiliment, li prattikament ifisser li l-istess impriża ta' kostruzzjoni ma jkollhiex soluzzjoni oħra ħlief li tistabbilixxi ruħha fil-Portugall. Din il-ħtieġa tipprekludi serjament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Ir-rekwiżiti tal-kontinwazzjoni fl-attività jikkostitwixxu wkoll min-naħa tagħhom restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi l-provvista ta' servizzi ta' kostruzzjoni ta' natura temporanja ma tkunx possibbli.
Il-motivi invokati mill-Istat Portugiż sabiex jiġġustifika r-restrizzjonijiet inkwistjoni mhumiex sostnuti minn elementi ta' prova u mhumiex fondati.
Full & Egal Universal Law Academy