10.1.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te Arnhem (L-Olanda) fit-3 ta' Novembru 2008 — K. van Dijk vs Gemeente Kampen
(Kawża C-470/08)
(2009/C 6/24)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Gerechtshof te Arnhem
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: K. van Dijk
Konvenut: Gemeente Kampen
Domandi preliminari
1)
Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam, il-kerrej huwa obbligat, skont ir-Regolamenti Nru 1782/2003 (1) u Nru 795/2004 (2) jew skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, li meta jiskadi l-kuntratt ta' kiri jittrasferixxi l-fond mikri lil sid il-kera, inklużi d-drittijiet għall-ħlas akkumulati fuqu jew konnessi miegħu?
2)
Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda: fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam, sid il-kera huwa obbligat, skont ir-Regolamenti Nru 1782/2003 u Nru 795/2004 jew skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, li jikkumpensa lill-kerrej għad-drittijiet għall-ħlas ittrasferiti lil sid il-kera u, f'tali każ, il-kerrej għandu jikkumpensah għall-valur totali ta' dawn id-drittijiet jew għal parti biss minn dan il-valur u, f'dan l-aħħar każ, f'liema proporzjon?
3)
Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda: fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam, il-kerrej huwa obbligat, skont ir-Regolamenti Nru 1782/2003 u Nru 795/2004 jew skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, li jikkumpensa lil sid il-kera għad-drittijiet għall-ħlas miżmuma mill-kerrej u, f'tali każ, il-kerrej għandu jikkumpensah għall-valur totali ta' dawn id-drittijiet jew għal parti biss minn dan il-valur u, f'dan l-aħħar każ, f'liema proporzjon?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p 1).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 tal-21 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta' sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy